Kawża T-415/18: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2018 – Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni
C2942018MT6210120180704MT0077621632
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Lulju 2018 – Silgan Closures u Silgan Holdings vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-415/18)2018/C 294/77Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Silgan Closures GmbH (München, il-Ġermanja) u Silgan Holdings Inc. (Stamford, Connecticut, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: D. Seeliger, Y. Gürer, R. Grafunder u V. Weiss, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni għal Spezzjoni C (2018) 2173 finali tas-6 ta’ April 2018, innotifikata fl-24 ta’ April 2018;
—
tannulla kull miżura meħuda abbażi tal-ispezzjoni mwettqa fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni illegali;
—
tordna lill-Kummissjoni sabiex tirritorna l-kopji kollha tad-dokumenti prodotti bħala parti mill-ispezzjoni u meħuda minnha, taħt piena ta’ annullament mill-Qorti Ġenerali tad-deċiżjoni eventwalment meħuda mill-Kummissjoni, u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża essenzjali u tal-prinċipji proċedurali
—
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jilmentaw b’mod partikolari li l-Bundeskartellamt (l-Uffiċċju Federali għall-Kompetizzjoni, il-Ġermanja) ipprovda lill-Kummissjoni b’informazzjoni li r-rikorrenti kienu għamlu disponibbli lill-Uffiċċju Federali għall-Kompetizzjoni sabiex jikkooperaw ma’ dan tal-aħħar fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali li kienet għaddejja sa mill-2014, u li għalhekk ma kellhiex tiġi kkomunikata matul l-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ( 1 ).
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni għal Spezzjoni u deskrizzjoni sproporzjonalment wiesgħa u mhux speċifika tal-għan tal-ispezzjoni (“fishing expedition”) kif ukoll l-assenza ta’ indizji suffiċjenti.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-ordni li ssir spezzjoni minħabba l-investigazzjonijiet u l-istadju li fih waslet il-proċedura quddiem l-Uffiċċju Federali għall-Kompetizzjoni la kienet neċessarja u lanqas xierqa.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter
—
Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-ordni ta’ spezzjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet irrilevanti. Din hija kooperazzjoni illegali bejn l-Uffiċċju Federali għall-Kompetizzjoni u l-Kummissjoni sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tissanzjona impriżi li setgħu ma jiġux issanzjonati fil-livell nazzjonali minħabba lakuni fil-leġiżlazzjoni.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti joġġezzjonaw il-fatt li l-Uffiċċju Federali għall-Kompetizzjoni ma kienx jidher li kien f’pożizzjoni li jmexxi l-proċeduri pendenti quddiemu fuq bażi regolari u ma kien hemm l-ebda raġuni għalfejn il-proċedura, minħabba l-portata jew l-effetti tagħha, kellha titmexxa aħjar fil-livell tal-Unjoni f’stadju daqstant tardiv.
( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy