10.9.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 319/19
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2018 – Crédit agricole u Crédit agricole Corporate and Investment Bank vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-419/18)
(2018/C 319/23)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Crédit agricole SA (Montrouge, Franza) u Crédit agricole Corporate and Investment Bank (Montrouge) (rappreżentanti: J.-P. Tran Thiet, M. Powell, J. Jourdan u J.-J. Lemonnier, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni sa fejn tiċħad it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 2743 finali tas-27 ta’ April 2018 dwar oġġezzjonijiet għall-iżvelar ta’ informazzjoni sottomessa mir-rikorrenti fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 (ĠU 2011, L 275, p. 29) dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni [Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro), huma jinvokaw żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar ir-rikorrenti fir-rigward ta’ skambji bejn traders preċedenti fil-perijodu ta’ ksur tikser il-preżunzjoni tal-innoċenza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma għandhiex dritt tippubblika deċiżjoni li tinkludi allużjonijiet għal aġir li jikkostitwixxi ksur li r-rikorrenti ma jistgħux jikkontestaw. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet it-talbiet għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti li jirrigwardaw din l-informazzjoni.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-pubblikazzjoni, qabel is-sentenza fuq il-mertu tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-113/17, Crédit agricole u Crédit Agricole Corporate and Investment Bank vs Il-Kummissjoni, ta’ informazzjoni li talludi għal aġir li jikkostitwixxi ksur tar-rikorrenti, li dawn tal-aħħar jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali, tikkostitwixxi ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet it-talbiet għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti li jirrigwardaw din l-informazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy