1.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 352/37
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Lulju 2018 – Prigent vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-436/16)
(2018/C 352/44)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Claude Prigent (Caudan, Franza) (rappreżentant: A. Bove, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tilqa’ dan ir-rikors għal annullament;
—
fil-mertu, tiddikjara r-rikors fondat fil-motivi tiegħu;
—
għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-23 ta’ Mejju 2018, abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà nazzjonali kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja (prinċipju ġenerali tad-dritt) u/jew tal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
—
u tibgħat il-proċess lura lill-awtorità kompeteti;
—
tordna d-doveri kollha rikjesti mil-liġi fil-qasam;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-istanza;
—
tirriżerva lir-rikorrent d-drittijiet, id-dovut u l-azzjonijiet kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà nazzjonali kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt. F’dan ir-rigward ir-rikorrent iqajjem l-argument li l-QĠUE tqis li skema intiża għal kategorija partikolari tal-popolazzjoni jew ta’ ħaddiema, ma hijiex skema legali iżda skema professjonali. Huwa jargumenta li f’dan il-każ, fid-dawl tad-diskriminazzjoni li teżisti bejn il-ħaddiema indipendenti li huma kostretti jkunu affiljati mar-régime social des travailleurs indépendants (skema soċjali tal-ħaddiema indipendenti) (iktar ’il quddiem l-“RSI”), anki fil-każ li d-dħul mill-bejgħ ikun żero jew f’defiċit, u l-oħrajn bħall-awtoimprendituri, il-ħaddiema impjegati jew anki l-uffiċjali, din evidentement ma hijiex skema legali.
Barra minn hekk, ir-rikorrent iqis li l-prinċipju ta’ solidarjetà, li fuqu hija bbażata l-RSI bħala skema legali ta’ sigurtà soċjali skont l-Istat Franċiż, ma huwiex f’dan il-każ osservat mill-RSI, sa fejn dan tal-aħħar jirċievi sejħiet għal kontribuzzjoni minima u b’rata fissa, anki fil-każ ta’ dħul baxx. Barra minn hekk, huwa jista’ jiġi totalment imċaħħad minn kumpens pekunjarju ta’ mard jew ta’ rtirar, fil-każ li ma jkunx hemm biżżejjed kontribuzzjonijiet jew fejn ikun hemm dewmien fil-ħlas, fatt li ma jkunx il-każ għal ħaddiema Franċiżi oħrajn affiljati ma’ skema ta’ sigurtà soċjali oħra.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi ugwaljanza bejn iċ-ċittadini Ewropej kollha, sa fejn ma huwiex possibbli jiġi kkalkulat il-valur tal-kontribuzzjonijiet tal-RSI b’mod sfavorevoli għall-persuni indipendenti bħar-rikorrenti meta mqabbla mal-ħaddiema Franċiżi l-oħrajn. Għaldaqstant, billi kklassifikat l-ilment ta’ dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ solidarjetà nazzjonali kif iddefinit mill-QĠUE bħala prinċipju ġenerali tad-dritt u l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, liema fatt għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy