3.9.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 311/15
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2018 – Aeris Invest vs BĊE
(Kawża T-442/18)
(2018/C 311/16)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Aeris Invest Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: S. Chimenos Minguella u G. Ferrer Gonzálvez, avukati)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew LS/MD/18/141 u LS/PT/2018/9, tat-8 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Frar 2018, rispettivament; u
—
tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“BĊE”) LS/MD/18/141, tat-8 ta’ Mejju 2018, dwar it-talba konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, kif ukoll tad-Deċiżjoni preċedenti tal-Bank Ċentrali Ewropew LS/PT/2018/9, tad-9 ta’ Frar 2018, dwar it-talba ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjonijiet tal-BĊE li jiċħdu l-aċċess għad-dokumentazzjoni kkonċernata ma humiex immotivati suffiċjentement peress li ma jqisux b’mod xieraq l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur Komunitarju meta stabbilixxa d-dritt ta’ aċċess tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet Ewropej, fil-kuntest ta’ proċedura trasparenti u fid-dawl tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Barra minn hekk, l-argumenti użati mill-BĊE huma ta’ natura ġenerika. Ukoll, il-BĊE ma jiħux inkunsiderazzjoni li l-iżvelar tad-dokumenti mitluba bl-ebda mod ma jista’ jaffettwa l-iżvolġiment xieraq tal-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ korpi ta’ kreditu. Dan għaliex, mhux biss talli l-proċedura konkreta ta’ teħid ta’ deċiżjoni hija mitmuma iżda talli hija s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, b’tali mod li ċ-ċaħda ta’ aċċess tostakola l-istħarriġ tal-istess qorti. Fl-aħħar nett, id-deċiżjonijiet ma jiħdux inkunsiderazzjoni li l-aċċess għad-dokumentazzjoni mitluba jitwettaq bl-uniku għan tal-eżerċizzju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva rrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijeit Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-Artikolu 4(1)(c) tad-Deċiżjoni BCE/2004/3, dwar l-aċċess għad-dokumenti, sa fejn dawn jiċħdu lil din il-parti l-aċċess għall-informazzjoni mitluba bil-ġustifikazzjoni li d-dokumenti huma koperti, totalment jew parzjalment, minn preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ aċċessibbiltà minħabba li huma dokumenti kunfidenzjali koperti mis-sigriet professjonali applikabbli għall-istituzzjonijiet. Din il-preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ aċċessibbilità ma hijiex prevista espressament fil-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli u, anki li kieku teżisti, ma tkunx applikabbli peress li l-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess ma jistgħux jiġu interpretati b’mod wiesa’ u b’analoġija.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-Artikolu 4(1)(c) tad-Deċiżjoni BCE/2004/3 sa fejn dawn jiċħdu lir-rikorrenti l-aċċess għall-informazzjoni mitluba bil-ġustifikazzjoni li d-dokumenti huma koperti, totalment jew parzjalment, mis-sigriet professjonali applikabbli għall-istituzzjonijiet, filwaqt li dawn huma neċessarji għal proċeduri ġudizzjarji u ċ-ċaħda tagħhom tfixkel jew tostakola s-servizz pubbliku ġudizzjarju.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru t-tieni u s-sitt inċiżi tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni BCE/2004/3, sa fejn dawn jiddikjaraw li l-iżvelar tal-informazzjoni jista’ jippreġudika s-sistema bankarja b’mod ġenerali.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni BCE/2004/3 sa fejn dawn jiddikjaraw li l-iżvelar tad-dokumenti u tal-informazzjoni jista’ jaffetwa l-interessi kummerċjali ta’ Banco Santander u jista’ jkollu impatt fuq spezzjonijiet futuri.
Full & Egal Universal Law Academy