15.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 373/12
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2018 – Triantafyllopoulos et vs BĊE
(Kawża T-451/18)
(2018/C 373/13)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Panaghiote Triantafyllopoulos (Patras, il-Greċja) u 487 rikorrent ieħor (rappreżentant: N. Ioannou, avukat)
Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew sabiex iħallas kumpens għad-dannu attwali li huma soffrew, kif speċifikat minn kull wieħed minnhom fir-rikors u li jammonta għal EUR 83,77 għal kull sehem fil-kumpannija, immultiplikat bin-numru ta’ ishma li għandu kull wieħed mir-rikorrenti, kemm jekk ikun persuna fiżika jew ġuridika;
—
tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Is-suġġett tar-rikors huwa talba għall-kumpens għad-dannu li ġie allegatament kkawżat fil-konfront tar-rikorrenti bħala detenturi tal-ishma f’“Achaiki Syneteristiki Trapeza SYN.P.E.” (il-Bank Kooperattiv ta’ Achaiki), minħabba l-istralċ speċjali tiegħu, li jikkonsisti f’dannu attwali suffiċjentement serju, b’mod partikolari minħabba l-valur tal-ishma li għandu kull wieħed mir-rikorrenti. Id-dannu ġie allegatament ikkawżat minħabba awditjar u sorveljanza mhux adegwata mwettqa minn Τrapeza tis Ellados (il-Bank Nazzjonali tal-Greċja) fil-konfront tal-Bank Kooperattiv ta’ Achaiki mill-1999 sal-2012, iżda wkoll minħabba awditjar u sorveljanza mhux adegwata mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-konfront tal-Bank Nazzjonali tal-Greċja u, permezz tiegħu iżda anki direttament, fil-konfront tal-Bank Kooperattiv ta’ Achaiki.
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi segwenti.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatti, il-proċess fil-proċeduri kriminali u d-dritt nazzjonali.
—
Mill-1999 sar-revoka tal-awtorizzazzjoni tal-Bank Kooperattiv ta’ Achaiki mill-Bank Nazzjonali tal-Greċja, l-amministrazzjonijiet varji ħadu pussess b’mod opportunistiku tal-assi tal-bank u użawhom għal skopijiet kriminali u għal finijiet mhux konformi mal-liġi. Dan seħħ mingħajr ebda osservanza tal-proċeduri legali previsti għall-operat ta’ bank. Skont id-dritt nazzjonali, il-Bank Nazzjonali tal-Greċja huwa l-unika awtorità ta’ sorveljanza responsabbli għall-adozzjoni tal-miżuri kollha ta’ prevenzjoni, ta’ awditjar u ta’ infurzar sabiex jiġi żgurat li dak kollu li seħħ ma jseħħx u ma jwassalx għat-tberbiq tal-assi tal-bank.
2.
It-tieni motiv motiv ibbażat fuq l-Artikolu 340 TFUE.
—
Skont l-Artikolu 340(3) TFUE, il-BĊE għandu personalità ġuridika distinta u għandu jagħmel tajjeb, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, għad-danni kkawżati minnu jew mill-aġenti tiegħu fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.
3.
It-tielet motiv motiv ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali.
—
Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali teżiġi li jiġi aċċertat ksur serju ta’ dispożizzjonijiet legali intiżi sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi. Fir-rigward tar-rekwiżit li l-ksur għandu jkun serju, il-kriterju deċiżiv sabiex jitqies li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta huwa l-fatt dwar jekk il-korp Komunitarju kkonċernat ikunx wettaq ksur serju u manifest tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Il-portata u l-intensità tad-dannu kkawżat, kif ukoll in-numru ta’ persuni li soffrew tali dannu, jistgħu jintużaw bħala kriterju relatat mal-fatt dwar jekk il-korp li huwa l-awtur tal-aġir ikunx kiser manifestament u b’mod serju l-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Għalhekk, għandu jiġi osservat ukoll li jkun hemm ksur serju tad-dritt Komunitarju meta l-korp ma kienx iwettaq żbalji li kieku aġixxa bi grad normali ta’ diliġenza u prudenza. Il-BĊE naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat u taħt l-Istatut tiegħu stess, jiġifieri li jimponi sanzjonijiet effikaċji fuq il-Bank Nazzjonali tal-Greċja għas-sorveljanza mhux adegwata fil-konfront tal-Bank Kooperattiv ta’ Achaiki. Min-naħa tiegħu, il-BĊE huwa responsabbli sabiex jikkontrolla li l-banek nazzjonali tal-Istati Membri jaġixxu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-Istatut tiegħu. Fil-każ li tali kontroll ma seħħx, ikun hemm nuqqas amministrattiv – ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – li seta’ jiġi evitat li kieku l-BĊE adotta l-miżuri xierqa sabiex “ifakkar” lill-Bank Nazzjonali tal-Greċja fid-doveri imposti fuqu mit-Trattat u sabiex jindikalu li ma huwiex awtorizzat iħalli lil-istabbilimenti ta’ kreditu mingħajr ebda kontroll, għaliex dan jipperikola l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, li tikkostitwixxi l-iskop fundamentali tal-eżistenza tal-BĊE. Il-BĊE kellu jikkontrolla jekk il-Bank Nazzjonali tal-Greċja kienx qed josserva l-obbligi tiegħu bħala membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u, fil-każ li huwa kkonstata li tali obbligi ma kinux qed jiġu osservati, huwa kellu jadotta l-miżuri xierqa u mhux jibqa’ ma jagħmel xejn.
Full & Egal Universal Law Academy