17.9.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/53
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2018 – eSlovensko Bratislava vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-460/18)
(2018/C 328/73)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: eSlovensko Bratislava (rappreżentant: B. Fridrich, avukat)
Konvenuta:Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri l-att ġuridiku individwali intitolat “Payment by offsetting by outstanding claims and debts” (Ħlas permezz ta’ tpaċija bejn krediti u debiti eżiġibbli) li l-Kummissjoni Ewropea, servizz ta’ Implimentazzjoni tal-Baġit (Baġit Ġenerali u FED), adottat fit-22 ta’ Ġunju 2018 u li għandu n-numru ta’ referenza BUDG/DGA/C4/LM/24307;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż eliġibbli lir-rikorrenti (numru tal-entrata fir-reġistru 42412439), bħala benefiċjarja inizjaliu parti kontraenti għall- ftehim tal-għotja finanzjarja INEA/CEF/ICT/A2015/1154788, Action 2015-SK-IA-0038 – “Slovak Safer Internet Centre IV”, conformément għal dan il-ftehim ta’ għotja finanzjarja valida u effikaċji, u b’mod partikolari għall-Artikolu 4.1.3;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv, li huwa intiż li jannulla d-deċiżjoni kkontestata, huwa bbażat fuq il-ksur tar-regola tad-dritt dwar l-applikazzjoni tat-trattati, b’mod iktar speċifiku l-evalwazzjoni ġuridika żbaljata taċ-ċirkustanzi u l-fatti tat-tpaċija, peress li, konformement mal-insenjament fis-sentenza Plaumann, ir-rikorrenti (numru tal-entrata fir-reġistru 42412439) hija kkonċernata direttament minn din id-deċiżjoni u li din id-deċiżjoni għandha impatt negattiv dirett fuqha.
2.
It-tieni motiv, li huwa intiż li jikkundanna lill-Kummissjoni li tħallas l-ispejjeż eliġibbli lir-rikorrenti, bħala benefiċjarja inizjali u parti kontraenti għall-ftehim ta’ għotja finanzjarja INEA/CEF/ICT/A2015/1154788, Action 2015-SK-IA-0038 – “Slovak Safer Internet Centre IV”, konformement għal dan il-ftehim ta’ għotja validu u effikaċji, u b’mod partikolari skont l-Artikolu 4.1.3 tiegħu, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tirregola kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ proġetti u ta’ trasferimenti finanzjarji li huma relatati mal-kuntratt validu u effikaċji eżistenti bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti.
—
Id-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 68 tar-Regolament Finanzjarju, (1) li jipprevedi “[j]eħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli relatati mal-inventarju tal-proprjetà u li jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet rispettivi f’dan il-qasam tal-uffiċjali tal-kontabilità u tal-uffiċjali awtorizzanti, kif ukoll ir-regoli applikabbli għall-bejgħ mill-ġdid ta’ proprjetà li tkun iddaħħlet fl-inventarju bil-għan li l-assi jkunu ġestiti b’mod effiċjenti”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tenfasizza li hija informat lill-Kummissjoni diversi drabi li, fil-proċedura mibdija kontra tagħha, il-Kummissjoni tfixklitha ma’ assoċjazzjoni oħra, li ħadmet fi proġetti preċedenti tal-istess natura.
3.
It-tielet motiv huwa intiż li jikseb il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż. Fid-dawl tal-argumenti msemmija iktar ’il fuq u fir-rigward tan-natura arbitrarja allegata tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti talbet li tiġi rrimborsata tal-ispejjeż inkorsi fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll tal-ispejjeż ta’ assistenza legali sostnuti fil-kuntest ta’ din it-talba.
(1) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy