22.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/27
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2018 – Compañia de Tranvías de la Coruña vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-485/15)
(2018/C 381/32)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Compañia de Tranvías de la Coruña, SA (A Coruña, Spanja) (rappreżentanti: J. Monrabà Bagan, lawyer)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2018) 3780 finali, tas-7 ta’ Ġunju 2018, dwar l-aċċess għad-dokumenti;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali.
—
Id-deċiżjoni ma tipprovdix motivi suffiċjenti sabiex jiġi miċħud l-aċċess jew sabiex jingħata aċċess limitat għal dokumenti fid-dawl tal-assenza ta’ rabta bejn il-proċeduri invokati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawżi magħquda C-350/17 Mobit (1) u C-351/17 Autolinee Toscane (2)) u t-talba għal aċċess għal dokumenti.
—
Il-motivazzjoni hija waħda mir-rekwiżiti formali essenzjali u l-Kummissjoni hija dejjem marbuta li tipprovdiha.
—
F’każ ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, id-deċiżjoni ma tkunx tosserva t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u għaldastant għandha titqies bħala nulla skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE.
2.
Sussidjarjament, it-tieni motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri fl-iżvelar tad-dokumenti li l-aċċess għalihom ġie rrifjutat permezz tad-deċiżjoni kkontestata.
—
Id-dokumenti li ntalab l-aċċess għalihom huma ta’ interess pubbliku safejn dawn jgħinu fl-interpretazzjoni ta’ punti essenzjali tar-regolamenti tal-Ujoni Ewropea marbuta mas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq li preċedentment ġew applikati mill-Kummissjoni Ewropea.
—
Għaldaqstant, anki jekk il-Qorti Ġenerali kellha ssib rabta bejn il-kawżi magħquda ċċitati iktar ’il fuq li għadhom pendenti C-350/17 Mobit u C-351/17 Autolinee Toscane u t-talba għal aċċess għad-dokumenti, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 4(2) in fine tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (3) jippermetti l-aċċess għad-dokumenti meta dan ikun iġġustifikat minn interess pubbliku superjuri.
—
Ir-rilevanza tad-dokumenti, mhux sempliċiment għar-rikorrenti iżda wkoll għal kull awtorità jew persuna kkonċernata li tkun trid tapplika regolament tal-Unjoni Ewropea dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq tikkostitwixxi interess pubbliku superjuri b’tali mod li l-aċċess għad-dokumenti għandu jingħata.
(1) Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) tat-12 ta’ Ġunju 2017 – Mobit Soc.cons.arl vs Regione Toscana (ĠU 2017, C 330, p. 4).
(2) Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) tat-12 ta’ Ġunju 2017 – Autolinee Toscane SpA/Mobit Soc.cons.arl (ĠU 2017, C 330, p. 5).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331)
Full & Egal Universal Law Academy