22.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/28
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Awwissu 2018 – Danske Slagtermestre vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-486/18)
(2018/C 381/33)
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Partijiet
Rikorrent: Danske Slagtermestre (Odense, id-Danimarka) (rappreżentant: ved advokat H. Sønderby Christensen)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2018 fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat SA.37433 (2017/FC) innotifikata bin-numru C(2018) 2259;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ kontradittorju
—
Ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju (ara l-Artikolu 41(2)(a)), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) en billi ma ppremettitilhiex tagħti l-opinjoni tagħha fuq informazzjoni kkomunikata mill-kontroparti u li fuqha l-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tadotta d-deċiżjoni kkontestata
—
Ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha għal trattament imparzjali.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżura ta’ għajnuna tagħti vantaġġ.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq is-selettività tal-miżura ta’ għajnuna.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-għajnuna ingħatat mill-Istat permezz ta’ riżorsi tal-Istat.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżura ta’ għajnuna tikkostitwixxi distorsjoni tal-kompetizzjoni.
7.
Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżura ta’ għajnuna taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
Insostenn tat-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ motiv, ir-rikorrent issostni b’mod partikolari li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet lil-miżura ta’ għajnuna ma kienet tagħti l-ebda vantaġġ lil impriżi partikolari.
—
Fl-ewwel lok, huwa ddikjarat li l-miżura ta’ għajnuna tagħti vantaġġ manifest lill-biċċeriji kbar, sempliċiment minħabba l-fatt li s-sistema inkwistjoni għandha l-effett li l-biċċeriji żgħar għandhom iħallsu kontribuzzjonijiet għall-evakwazzjoni ta’ ilmijiet użati li huma darbtejn ogħla għal kull bhima meta mqabbla ma’ dawk imħallsa minn biċċeriji kbar, li għaldaqstant ikunu f’pożizzjoni li jħallsu aħjar lill-fornituri.
—
Fit-tieni lok, huwa ddikjarat li xejn ma jippermetti b’mod partikolari li jiġi ġġustifikat l-għoti lill-biċċeriji kbar ta’ skontijiet fuq il-kontribuzzjoni għall-evakwazzjoni ta’ ilmijiet użati meta l-ispiża reali iffatturata hija identika għall-biċċeriji żgħar, ta’ daqs medju u kbar u li s-sistema tista’ tkun ibbażata fuq spejjeż reali biss jekk l-iskontijiet jingħataw ukoll lil biċċeriji ta’ daqs iżgħar.
—
Fit-tielet lok, huwa ddikajarat li l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq implimentat mill-Kummissjoni ma jippermettix li jiġi evalwat jekk is-sistema tagħtix vantaġġ, peress li l-ebda impriża Daniża ma titlob li tiġi skonnessa minn impjant iċċentralizzat għat-trattament tad-drenaġġ u li fid-Danimarka ma hemm fis-seħħ l-ebda miżura, lanqas potenzjali, ta’ astrazzjoni ta’ ilmijiet użati.
—
Fir-raba’ lok, huwa ddikjarat li anki jekk jiġi ammess li huwa applikabbli l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni ma implimentatux b’mod korrett. Dan il-kriterju jista’ jkun ibbażat biss fuq valuri ddeterminati għall-attivitajiet ta’ operaturi individwali. Ma huwiex kompatibbli ma’ dan il-kriterju l-użu ta’ valuri medji ta’ muniċipalitajiet oħra għad-determinazzjoni u li jingħata l-ġenb lill-investimenti kunsiderevoli magħmuka minn impjanti għat-trattament tad-drenaġġ, fil-forma ta’ spejjeż ta’ infrastrutturi ta’ ilmijiet użati u ta’ estensjoni tal-istallazzjonijiet tagħhom, sabiex l-impriżi l-kbar li jibbenefikaw mill-għajnuna jiġu konnessi mal-installazzjonijiet komunali.
Full & Egal Universal Law Academy