1.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 352/45
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2018 – OCU vs BUR
(Kawża T-496/18)
(2018/C 352/55)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Organización de Consumidores y Usuarios (OCU) (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: E. Martínez Martínez u C. López-Mélida de Ramón, avukati)
Konvenuta: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni finali (“Final Decision”) tad-19 ta’ Ġunju 2018 tal-Bord tal-Appell tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni mogħtija fil-kuntest tal-Każ 54/2017 u intiża kontra l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni;
—
tikkundanna lill-“Bord tal-Appell tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni” għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt fundamentali fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża (dritt għal amministrazzjoni tajba hekk kif espress permezz tal-aċċess għal dokumenti għall-eżerċizzju leġittimu tad-drittijiet tad-difiża).
—
F’dan ir-rigward, huwa sostnut li d-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha il-Bord tal-Appell ma jagħtix aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem il-“BUR”), li ntalbet sabiex jiġi eżerċitat id-dritt leġittimu tad-drittijiet tad-difiża, tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba, hekk kif espress permezz tal-aċċess għal dokumenti fl-Artikolu 41(2) tal-Karta u tal-prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-artikoli li jeskludu resttrizzjoni tal-kunfidenzjalità u tas-sigriet tan-negozju fl-aċċess għad-dokumenti meta t-talba ssir fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u fl-aċċess għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, imsemmija fl-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1); fl-Artikolu 84 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190); u fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 73 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 1).
—
F’dan ir-rigward, huwa sostnut li d-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha il-Bord tal-Appell ma jagħtix aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-BUR, tirriżulta f’applikazzjoni żbaljata tal-eċċezzjonijiet għall-aċċess ġenerali għad-dokumenti msemmija fir-regolamenti li għadhom kif issemmew, peress li tali aċċess huwa mitlub fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u tal-aċċess għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt fundamentali fl-Artikolu 41(2) tal-Karta (dritt għal amministrazzjoni tajba, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti).
—
F’dan ir-rigward, huwa sostnut li d-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha il-Bord tal-Appell ma jagħtix aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-BUR, tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt fundamentali għal amministrazzjoni tajba, hekk kif espress fl-Artikolu 41(2) tal-Karta, sa fejn din ma tosservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti.
Full & Egal Universal Law Academy