5.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/39
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2018 – L-Ungerija vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-505/18)
(2018/C 399/53)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrenti: L-Ungerija (rappreżentanti: M.Z. Fehér, M.M. Tátrai u A. Pokoraczki, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) fil-parti li tirrigwarda lill-Ungerija, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni l-għajnuna mogħtija lil gruppi ta’ produtturi li għandhom rikonoxximent ikkwalifikat; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-esklużjoni kontenzjuża prevista mid-deċiżjoni kkontestata hija illegali għaliex l-għajnuna lill-gruppi ta’ produtturi kkonċernati ngħatat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.
Ir-rikorrenti tinvoka n-natura tar-rikonoxximent tal-gruppi ta’ produtturi. Hija ssostni li l-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda d-deċiżjoni dwar ir-rimbors tal-għajnuna finanzjarja nazzjonali mogħtija lil gruppi ta’ produtturi, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-gruppi ta’ produtturi li kisbu rikonoxximent ikkwalifikat jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1698/2005.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-esklużjoni kontenzjuża prevista mid-deċiżjoni kkontestata hija illegali għaliex kien ikun jaqbel, fid-dawl tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li l-esklużjoni tiġi mtaffija jew li jkun hemm rinunzja għaliha.
Skont ir-rikorrenti, l-esklużjoni kontenzjuża hija illegali, għaliex kien ikun jaqbel, fid-dawl tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, li l-esklużjoni tiġi mtaffija jew li jkun hemm rinunzja għaliha, peress li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni ma humiex neċessarjament ċari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-prattiki nazzjonali kontenzjużi u peress li dawn jippermettu l-interpretazzjoni sostnuta mill-Ungerija, għaliex dawn kienu preċedentement diġà magħrufa mill-Kummissjoni, li ma kinitx esprimiet oġġezzjonijiet fir-rigward tagħhom.
Full & Egal Universal Law Academy