26.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 427/78
Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Awwissu 2018 – Il-Polonja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-506/18)
(2018/C 427/105)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2018) 3826 finali, tat-13 ta’ Ġunju 2018, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) (1), sa fejn hija teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea s-somom ta’ EUR 1 421 755,79 u ta’ EUR 1 436 426,23, imħallsa mill-aġenzija tal-pagamenti akkreditata mir-Repubblika tal-Polonja;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1306/2013 (2) għar-raġuni li l-korrezzjoni finanzjarja ġiet applikata fuq il-bażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali ineżatti u fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt
—
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li s-somom esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni bis-saħħa tad-deċiżjoni kkontestata tħallsu skont id-dispożizzjonijiet legali li jiddefinixxu l-implimentazzjoni tal-appoġġ speċifiku għas-settur tat-tabakk, jiġifieri r-Regolament Nru 73/2009 (3), ir-Regolament Nru 1120/2009 (4) kif ukoll ir-Regolament Nru 1122/2009 (5). Il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-appoġġ mill-Ġvern Pollakk kienu jikkorrispondu wkoll mal-atti ġuridiċi nazzjonali kif ukoll ma’ dak li jissejjaħ il-Programm ta’ attivitajiet imwettqa fil-Polonja, trażmess lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-appoġġ speċifiku previst fl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 73/2009.
—
Fir-rigward tal-parti tal-motiv li ssemmi l-verifiki fuq il-post għand il-produttur, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li la d-dritt tal-Unjoni u lanqas id-dritt nazzjonali ma kienu jipprevedu l-obbligu fuq il-produttur li jikkunsinna t-tabakk kollu lill-ewwel proċessur. Is-sistema Pollakka ta’ verifika fuq il-post kienet tippermetti kompletament li ssir verifika effettiva tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-appoġġ.
—
Fir-rigward tal-parti tal-motiv li ssemmi l-verifiki fuq il-post fil-post tal-kunsinna, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li dawn il-verifiki kienu jiġġarantixxu kompletament il-verifika tar-rekwiżiti kollha ta’ kwalità li għandha tissodisfa l-materja prima tat-tabakk eliġibbli għall-appoġġ, inklużi b’mod partikolari r-rekwiżiti dwar l-umdità u l-kontenut tar-ramel u l-impuritajiet.
—
Fir-rigward, sussegwentement, tal-ilment tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ sistema speċifika ta’ tnaqqis u ta’ esklużjoni, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li s-sistema Pollakka ta’ sanzjonijiet fil-qasam tal-appoġġ speċifiku għas-settur tat-tabakk kienet kompletament konformi mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament 73/2009. B’mod partikolari, din is-sistema kienet restrittiva ħafna u kienet telimina kull riskju ta’ telf għall-fond.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 għar-raġuni li l-korrezzjoni fissa applikata kienet manifestament eċċessiva fir-rigward tar-riskju evetwali ta’ telf finanzjarju għall-baġit tal-Unjoni
—
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ korrezzjoni fissa tal-kompetizzjoni ta’ 5 % hija għolja wisq u tmur lil hinn mit-telf massimu eventwali li kien ikollu jbati l-fond.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva d-diverġenzi li jirriżultaw mill-messaġġi elettroniċi trażmessi mill-Kummissjoni fil-kors tal-investigazzjoni, u għaldaqstant l-assenza ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni tal-motiv ibbażat fuq il-ksur minnha ta’ parti mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni.
(1) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/873 tal-Kummissjoni (ĠU 2018, L 152, p. 29).
(2) Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad- 19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30,p. 16).
(4) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 tad- 29 ta’ Ottubru 2009 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (ĠU 2009, L 316, p. 1).
(5) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 ta’ 30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65).
Full & Egal Universal Law Academy