15.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 373/19
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Awwissu 2018 – Kaddour vs Il-Kunsill
(Kawża T-510/18)
(2018/C 373/21)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Khaled Kaddour (Damas, is-Sirja) (rappreżentanti: V. Davies u V. Wilkinson, solicitors)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla l-miżuri tal-2018 sa fejn dawn japplikaw għal K. Kaddour; u
—
tordna lill-Kunsill iħallas lil K. Kaddour l-ispejjeż tal-kawża.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors huwa ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/778 tat-28 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2018 L 131, p. 16) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/774 tat-28 ta’ Mejju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (2) dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2018 L 131, p. 1), sa fejn dawn il-miżuri japplikaw għar-rikorrent (iktar ’il quddiem il-“miżuri tal-2018”).
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri tal-2018 huma vvizzjati minn żbal manifest ta’ evalwazzjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li r-rikorrent għandu d-dritt li jibbenefika mill-Artikoli 27 u 28(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 (3) u mill-Artikolu 15(1b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 (4).
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri tal-2018 jammontaw għal ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent kif protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u/jew il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tad-drittijiet tar-rikorrent għar-rispett tar-reputazzjoni tiegħu u t-tgawdija paċifika tal-proprjetà tiegħu u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK tal-31 ta’ Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013 L 147, p. 14).
(2) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012 L 16, p. 1).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1836 tat-12 ta’ Ottubru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2015 L 266, p. 75).
(4) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1828 tat-12 ta’ Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2015 L 266, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy