26.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 427/80
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Awwissu 2018 – FAKRO vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-515/18)
(2018/C 427/107)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: FAKRO sp. z o. o. (Nowy Sącz, il-Polonja) (rappreżentant: A. Radkowiak-Macuda, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ġunju 2018, mogħtija fil-proċedura miftuħa wara l-ilment għal abbuż minn pożizzjoni dominanti kontra l-grupp VELUX imressaq quddiem il-Kummissjoni fit-12 ta’ Lulju 2012 minn FAKRO sp. z o.o (Referenza AT.40026 VELUX);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalawazzjoni flimkien mal-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jwassal sabiex jiġi konkluż li l-Unjoni Ewropea ma għandhiex interess li tkompli l-kawża.
Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni definittiva la fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi kkonstatat abbuż minn pożizzjoni dominanti, u lanqas fir-rigward tas-seba’ kategoriji ta’ fatti allegati. Billi teżamina l-motiv li l-impriża dominanti applikat prezzijiet predatorji, il-Kummissjoni bbażat, mingħar riżerva, id-deċiżjoni tagħha fuq l-argumenti ta’ dik l-impriża, mingħajr ma kkunsidrat l-argumenti tar-rikorrenti u mingħajr ma wettqet tal-inqas analiżi ssemplifikata, tal-problema. Ir-rikorrenti tqis li l-introduzzjoni mill-impriża dominanti ta’ trade mark ta’ kumbatt kellha unikament bħala għan li tipprekludi lill-kompetituri tagħha milli jaċċedu għas-suq jew li jiżviluppaw fih, u t-tnaqqis ta’ investiment ipprattikat minn din l-impriża huwa ta’ natura selettiva, esklużiva u diskriminatorja, li jikser l-Artikolu 102 TFUE. Hija tqis li l-provi jistabbilixxu b’mod ċar il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ natura esklużiva mill-impriża dominanti, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, u li eżekuzzjoni ta’ investigazzjoni għal dan l-iskop ma teħtieġx riżorsi kunsiderevoli, iżda biss verifika tad-data u tal-provi li hija pproduċiet.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, marbut mal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-assenza ta’ interess tal-Unjoni Ewropea sabiex tkompli l-kawża.
Għaddew iktar minn 71 xahar bejn it-tressiq tal-ilment u d-deċiżjoni ta’ ċaħda. Id-dewmien tal-azzjoni tal-Kummissjoni ma hija ġġustifikata minn ebda ċirkustanza partikolari. Il-Kummissjoni għandha għarfien fil-fond tas-suq Ewropew tat-twieqi tas-saqaf. Id-dewmien tal-azzjoni tal-Kummissjoni jista’ twassal għal assenza ta’ possibbiltà tar-rikorrenti li tkun tista’ tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, minħabba termini ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 773/2004 (1) minħabba r-rifjut fil-konfront tar-rikorrenti li taċċedi għad-dokumenti, li jwassal sabiex tiċċaħħad mid-drittijiet tad-difiża effettivi tagħha.
Konformement mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ, meta l-Kummissjoni tinforma lil-lanjant bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment, il-lanjant għandu d-dritt li jitlob l-aċċess għad-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-evalwazzjoni provviżorja tagħha. F’din il-kawża, il-Kummissjoni ma tatx tali aċċess lir-rikorrenti. Minbarra dan, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-prinċipji ta’ eżami tal-interess tal-Unjoni Ewropea minħabba l-assenza ta’ analiżi affidabbli tan-natura u tal-effetti tal-atti allegati fil-konfront tal-impriża dominanti.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 TFUE] sa [102 TFUE] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).
Full & Egal Universal Law Academy