5.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/44
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2018 – ENGIE Global LNG Holding et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-525/18)
(2018/C 399/59)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: ENGIE Global LNG Holding Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Engie Invest International SA (il-Lussemburgu), ENGIE (Courbevoie, Franza) (rappreżentanti: B. Le Bret, M. Struys, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikkjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;
—
prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn tordna l-irkupru tal-għajnuna;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44888 (2016/C) (ex 2016/NN) mogħtija mil-Lussemburgu favur ENGIE, ir-rikorrenti jinvokaw disa’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-ewwel kriterju tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-eżistenza ta’ intervent mill-Istat.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ vantaġġ, sa fejn tħallat il-kunċetti ta’ vantaġġ u ta’ selettività, tikkunsidra l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku abbażi ta’ effett ikkombinat ta’ miżuri individwalment konformi għad-dritt komuni, u tanalizza dan l-effett abbażi ta’ żnaturament tal-fatti kif ukoll ta’ diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fid-definizzjoni taż-żewġ kuntesti ta’ riferiment użati b’mod alternattiv (ġenerali u ristrett) sabiex turi l-eżistenza ta’ deroga diskriminatorja favur, minn naħa, kumpanniji holdings (LNG Holding u CEF) u, min-naħa l-oħra, il-grupp ENGIE.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fl-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ derogi u ta’ trattament diskriminatorju favur, minn naħa, kumpanniji holdings u, min-naħa l-oħra, il-grupp ENGIE.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni wettqet fil-kwalifika ta’ vantaġġ selettiv li jirriżulta min-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regola Lussemburgiża dwar l-abbuż ta’ dritt.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi tal-Kummissjoni fil-kwalifika tal-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna individwali.
7.
Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter mogħti lilha fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat sabiex tintervjeni fuq miżuri ġenerali li jaqgħu taħt il-politika nazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.
8.
It-tmien motiv ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti u tan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.
9.
Id-disa’ motiv invokat sussidjarjament ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9) sa fejn il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-allegata għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
Full & Egal Universal Law Academy