12.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 408/56
Rikors ippreżentat fis-7 ta Settembru 2018 – Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-530/18)
(2018/C 408/73)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: C. Canţăr, E. Gane, C. Florescu u O. Ichim, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla parzjalment id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/873 tat-13 ta’ Ġunju 2018 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nefqa partikolari li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (il-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR): (a) fir-rigward tas-sub-miżura 1a fl-intier tagħha (ammont ta’ EUR 13 184 846,61 għas-snin finanzjarji 2015 u 2016); (b) fir-rigward tas-sub-miżuri 3a, 5a, 3b u 4b fl-intier tagħhom (ammont ta’ EUR 45 532 000,96 għas-snin finanzjarji 2014, 2015 u 2016) u, sussidjarjament, parzjalment għall-perjodu ta’ qabel id-19 ta’ Settembru 2015 (ammont ta’ EUR 21 315 857,50);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq eżerċizzju mhux xieraq tal-kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea li teskludi ċerti ammonti mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea.
—
Billi applikazzjoni il-korrezzjonijiet stabbiliti bid-Deċiżjoni 2018/873, il-Kummissjoni eżerċitat b’mod mhux xieraq il-kompetenza tagħha, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 u bi ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.
—
Id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 sa fejn l-Istituzzjoni tal-Unjoni, wara d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet Rumeni, approvat, permezz ta’ deċiżjoni, ir-reviżjoni tal-Programm Nazzjonali għall-Iżvilupp Rurali 2007-2013 (PNŻR), fejn esprimiet il-kunsens tagħha fir-rigward tal-miżuri previsti fil-PNŻR, anki f’dak li jirrigwarda l-metodi għall-ħlas tas-sub-miżuri 1a, 3a, 5a, 3b u 4b fil-qafas tal-Miżura 215 (ħlasijiet għall-benesseri tal-annimali). Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tar-reviżjoni tal-PNŻR hija impenn legali u twassal għat-twettiq tal-pagamenti mill-baġit tal-Unjoni.
—
L-awtoritajiet Rumeni wettqu paġamenti skont l-approvazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-korrezzjonijiet hija illegali.
—
Ir-Rumanija tqis li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova r-reviżjoni tal-PNŻR tat lok għal aspettattiva leġittima min-naħa tal-awtoritajiet Rumeni u tal-benefiċjarji fir-rigward tar-regolarità tal-metodi ta’ kalkolu approvati mill-Kummissjoni. Dan il-prinċipju jobbliga lill-Kummissjoni tapplika, anki għas-sub-miżuri 3a, 5a, 3b u 4b, il-korrezzjonijiet b’effett mid-19 ta’ Settembru 2015, kif għamlet l-Istituzzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-korrezzjonijiet relatati mas-sub-miżura 1a.
—
Barra minn hekk, ir-Rumanija tqis li l-istituzzjoni tal-Unjoni kellha tirrispetta dan il-prinċipju anki fir-rigward tal-pagamenti ta’ wara d-19 ta’ Settembru 2015 peress li, f’dak il-mument, ma setgħetx iktar issir reviżjoni ġdida tal-PNŻR.
—
Ir-Rumanija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-Kummissjoni għandha pożizzjoni diverġenti dwar ir-regolarità tal-metodi ta’ kalkolu. Fil-fatt, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat l-irregolarità tal-ħlasijiet magħmula abbażi tal-metodi ta’ kalkolu li kienet approvat preċedentement. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet Rumeni talbu kjarifiki lill-istituzzjoni tal-Unjoni dwar il-possibbiltà li jikkoreġu l-iżbalji fil-pagamenti kumpensatorji peress li ma kienx iktar possibbli li l-PNŻR jiġi emendat wara d-19 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ma esprimietx il-pożizzjoni tagħha dwar dan l-aspett.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
—
Ir-Rumanija tqis li l-istituzzjoni tal-Unjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sa fejn, fir-rigward tas-sub-miżura 1a, il-Kummissjoni ma ssostanzjatx biżżejjed u b’mod adegwat: il-pożizzjoni oxxilanti tagħha fir-rigward tal-irregolaritajiet misjuba u t-tip ta’ korrezzjoni applikata; ir-rifjut tal-argumenti u tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Rumeni fir-rigward tal-allegat kumpens eċċessiv; ir-raġunijiet għaliex għażlet li tapplika rata fissa għall-irregolaritajiet ikkonstatati, u mhux rata kkalkolata.
Full & Egal Universal Law Academy