26.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 427/81
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2018 – Vialto Consulting vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-537/18)
(2018/C 427/108)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Vialto Consulting (Budapest, l-Ungerija) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti esklużjoni ta’ sentejn u ppubblikat informazzjoni dwar din l-esklużjoni fuq is-sit internet tagħha;
—
tordna lill-Kummissjoni sabiex tħallas kumpens għad-dannu materjali sostnut mir-rikorrenti, l-ewwel nett minħabba l-esklużjoni ta’ sentejn, u t-tieni nett minħabba l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar din l-esklużjoni fuq is-sit internet tagħha, liema dannu huwa stmat għal EUR 434 889,82, flimkien mal-interessi mid-data tal-għoti tas-sentenza;
—
tordna lill-Kummissjoni sabiex tħallas kumpens għad-dannu morali sostnut mir-rikorrenti, l-ewwel nett minħabba l-esklużjoni ta’ sentejn, u t-tieni nett minħabba l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar din l-esklużjoni fuq is-sit internet tagħha, liema dannu huwa stmat għal EUR 400 000, flimkien mal-interessi mid-data tal-għoti tas-sentenza;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Ares (2018) 3463041, tad-29 ta’ Ġunju 2018, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2185/1996, peress li l-Kummissjoni Ewropea tassumi mingħajr ġustifikazzjoni li l-OLAF ma eċċediex is-setgħat tiegħu f’dak li jirrigwarda t-twettiq tal-ispezzjoni tal-bini ta’ Vialto.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’dak li jirrigwarda d-dritt għal amministrazzjoni tajba u n-nuqqas ta’ motivazzjoni sufiċċjenti.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-obbligu ta’ motivazzjoni sufiċċjenti, l-ewwel nett, peress li l-Kummissjoni Ewropea imponiet fuq Vialto esklużjoni ta’ sentejn, u, it-tieni nett, peress li l-Kummissjoni pproċediet bil-pubblikazzjoni ta’ din l-esklużjoni fuq is-sit internet tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy