5.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/52
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2018 – ArcelorMittal Bremen vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-544/18)
(2018/C 399/67)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: ArcelorMittal Bremen GmbH (Bremen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: S. Altenschmidt u D. Jacob, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tikkonstata, skont l-Artikolu 265 TFUE, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 (1) sa fejn naqset milli tagħti istruzzjoni lill-amministratur ċentrali sabiex idaħħal fl-EUTL il-bidla fit-tabella ta’ allokazzjonijiet nazzjonali għall-installazzjoni rikorrenti bl-identifikazzjoni tal-Unjoni DE000000000000060, li kienet ġiet innotifikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fit-8 ta’ Frar 2018;
—
sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Awwissu 2018 dwar it-talba tar-rikorrenti tal-14 ta’ Mejju 2018;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motiv segwenti:
Ksur tad-dritt tal-Unjoni
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni hija obbligata tadotta d-deċiżjoni skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 389/2013 sa fejn il-bidla fit-tabella ta’ allokazzjonijiet nazzjonali hija konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, skont ir-regoli previsti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (2), il-livell storiku ta’ attività relatat mal-prodott fir-rigward tal-prodott minerali sinterizzati għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-kwantitajiet imwieżna tal-minerali sinterizzati, li jintieżnu meta jinħarġu mill-installazzjoni fejn issir is-sinterizzazzjoni.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-minerali sinterizzati li, wara l-produzzjoni tagħhom jerġgħu jintgħarblu fil-kuntest tat-tħejjija tal-piż f’kalkara ta’ funderija u li jergġħu jintużaw bħala materjal irriċiklat f’installazzjoni fejn issir is-sinterizzazzjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-livell ta’ attività tal-installazzjoni fejn issir is-sinterizzazzjoni.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 389/2013 tat- 2 ta’ Mejju 2013 li jistabbilixxi Reġistru tal-Unjoni skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Deċiżjonijiet Nri 280/2004/KE u 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nri 920/2010 u 1193/2011 (ĠU 2013, L 122, p. 1).
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas- 27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2772) (ĠU 2011, L 130, p. 1).