26.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 427/83
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2018 – YL vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-545/18)
(2018/C 427/110)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: YL (rappreżentant: P. Yon, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob:
—
l-annullament tat-tneħħija tiegħu mil-lista ta’ promozzjoni 2017;
—
li tingħatalu l-promozzjoni retroattiva għall-1 ta’ Jannar 2017;
—
li jingħatalu kumpens għad-danni sostnuti minħabba l-atti kkontestati: il-ġranet u l-enerġija ddedikati għal dan ir-rikors u għall-istadji li wasslu għalih, kif ukoll sabiex jegħleb is-sentiment ta’ ċaħda, ta’ ostraċiżmu u ta’ qilla min-naħa ta’ awtorità li għandha l-għan li tieħu ħsieb l-interess tal-aġenti tagħha u li tagħti prova ta’ newtralità lejhom, jekk mhux saħansitra ta’ tjubija lejhom – dannu kkalkolat għal EUR 10 000;
—
li jiġi rrimborsat l-ispejjeż tal-avukat u l-ispejjeż legali tiegħu, tal-ammont ta’ EUR 10 000;
—
li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), li twettaq mill-Awtorità tal-Ħatra billi bbażat ir-rifjut li tippromwovi lir-rikorrent fuq sanzjoni mħabbra preċedentement, minn naħa, minkejja li s-sanzjoni kienet diġà affettwat il-karriera ta’ dan tal-aħħar permezz ta’ relegazzjoni fl-iskala. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet għar-raġuni li l-imsemmija sanzjoni għandha rabta mal-imġiba fis-servizz u dan minkejja li d-deċiżjoni ta’ sanzjoni tal-2016 kienet tindika li l-fatti ssanzjonati seħħew lil hinn minn kull rabta mal-funzjonijiet u mar-responsabbiltajiet tar-rikorrent.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura, li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet meta użat is-setgħa ta’ għoti ta’ promozzjonijiet tagħha sabiex taggrava s-sanzjoni deċiża fl-2016 u billi użat il-proċedura ta’ promozzjoni b’mod li tevita l-limiti previsti fir-Regolamenti tal-Persunal fil-każ ta’ sospensjoni ta’ avvanzament.
Full & Egal Universal Law Academy