5.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/53
Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Settembru 2018 – XM et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-546/18)
(2018/C 399/68)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: XM u 26 rikorrenti oħra (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjonijiet li jippreġudikaw lid-diversi rikorrenti li huma d-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li dawn ma jingħatawx ir-rimbors għall-ispejjeż tal-iskola għas-sena 2017/2018 li ntwerew b’diversi modi skont iċ-ċirkustanzi partikolari għal kull wieħed mir-rikorrenti:
—
jew permezz ta’ deċiżjoni individwali (u speċifikament permezz ta’ posta elettronika) li tindika preċiżament ir-rifjut tar-rimbors;
—
jew permezz tal-indikazzjoni “processed” fis-Sysper tagħhom u meqjusa bħala deċiżjoni ta’ rifjut mir-rikorrent ladarba l-pay slip li ġiet wara, ix-xahar ta’ wara (l-iktar kmieni fl-10 tax-xahar ladarba din hija d-data tat-trażmissjoni tar-rendikonti ta’ remunerazzjoni) ma tinkludi ebda rimbors jew tinkludi biss rimbors għall-ispejjeż tat-trasport;
—
jew ukoll permezz ta’ assenza totali ta’ trattament tat-talba meqjusa, wara erba’ xhur minn meta din tressqet, bħala li hija impliċitament miċħuda;
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi:
—
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni għar-rimbors ta’ spejjeż mediċi, sa fejn il-bidla tal-interpretazzjoni mill-konvenuta kisret id-drittijiet miksuba, l-aspettattivi leġittimi, iċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
—
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tat-tfal, tad-dritt għall-ħajja tal-familja u tad-dritt għall-edukazzjoni.
—
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.
—
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bbilanċjar effettiv tal-interessi tar-rikorrenti u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata.
Full & Egal Universal Law Academy