26.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 427/85
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2018 – Helbert vs EUIPO
(Kawża T-548/18)
(2018/C 427/112)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Lars Helbert (Alicante, Spanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni miftuħa EUIPO/AD/01/17 (1) tal-1 ta’ Diċembru 2017 u tas-7 ta’ Marzu 2018 sabiex ir-rikorrent ma jiġix inluż fid-database tal-kandidati li għaddew fil-forma finali tagħha wara ċ-ċaħda mill-EUIPO, tat-8 ta’ Ġunju 2018, tal-ilment tar-rikorrent skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;
—
tordna lill-EUIPO jħallas kumpens xieraq, li l-ammont tiegħu jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali, lir-rikorrent għad-dannu morali mġarrab mir-rikorrent bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla; u
—
tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-kompożizzjoni u l-konsistenza tal-Bord tal-Għażla kien fihom irregolaritajiet, li jirriżultaw direttament minn nuqqas ta’ koerenza tal-evalwazzjoni u ksur tal-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ oġġettività tal-evalwazzjonijiet, bi ksur tal-Artikoli 3.1 u 2.4 tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Bord tal-Għażla ma wettaqx evalwazzjoni komparattiva tal-kandidat, u dan bi ksur tal-obbligu li josserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ opportunitajiet ugwali u ta’ oġġettività tal-evalwazzjoni, skont l-Artikolu 2.4 tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Miftuħa.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni manifesti fl-evalwazzjoni ta’ kif l-applikant ikun mar fl-“intervista bbażata fuq il-kompetenzi speċifiċi”.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-Bord tal-Għażla kiser l-Avviż ta’ Kompetizzjoni EUIPO/AD/01/17 kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ opportunitajiet ugwali u ta’ oġġettivita tal-evalwazzjoni.
(1) ĠU 2017, C 9 A, p. 1.