26.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 427/88
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2018 – Rodríguez Gómez vs Il-Kunsill
(Kawża T-553/18)
(2018/C 427/116)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Delcy Eloina Rodríguez Gómez (Karakas, il-Venezwela) (rappreżentanti: F. Di Gianni u L. Giuliano, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/901 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (1) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/899 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (2), sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom jikkonċernaw lir-rikorrenti; u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-atti kkontestati huma vvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ provi preċiżi u konsistenti.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-funzjonijiet u r-rwoli tar-rikorrenti u ma pprovdiex provi preċiżi u konsistenti insostenn tat-teżi tiegħu. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill naqas milli jwettaq evalwazzjoni xierqa tal-provi jew, tal-inqas, evalwahom b’mod manifestament żbaljat.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li l-miżuri restrittivi imposti mill-atti kkontestati jikkostitwixxu restrizzjoni mhux iġġustifikata u sproporzjonata tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għall-proprjetà.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/901 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 160I, 25.6.2018, p. 12).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/899 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/2063 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU L 160I , 25.6.2018, p. 5).