5.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 399/54
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2018 – Sensient Colors Europe vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-556/18)
(2018/C 399/69)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Sensient Colors Europe GmbH (Geesthacht, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Hagenmeyer, D. Zechmeister u W. Berlit, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tal-31 ta’ Lulju 2018 (DG Sante/E2/RP/amf(2018)4523972), li tiddikjara invalida kemm it-talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tal-ikel ġdid fl-Unjoni kif ukoll l-attwalizzazzjoni tal-lista tal-Unjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) bir-Referenza 2018/0355 u li ttemm il-proċedura ta’ applikazzjoni, u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku bbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) u (5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2469 (2) kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 10(1) moqri flimkien mal-Artikoli 10(3) u 11(1), jew flimkien mal-Artikolu 12(2) tar-Regolament 2015/228.
F’dan ir-rigward qiegħed fost l-oħrajn jiġi sostnut li l-konvenuta hija żbaljata meta tqis li s-suġġett tal-applikazzjoni, jiġifieri l-estratt koloranti bbażat fuq il-fjuri mnixxfa tal-clitoria ternatea, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2015/2283 u jikkostitwixxi addittiv tal-ikel fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament Nru 1333/2008.
(1) Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2469 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxu rekwiżiti amministrattivi u xjentifiċi għall-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 64).
Full & Egal Universal Law Academy