26.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 427/95
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Settembru 2018 – Gesamtverband Verkehrsgewerbe Niedersachsen vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-583/18)
(2018/C 427/125)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Gesamtverband Verkehrsgewerbe Niedersachsen e.V. (Hannover, il-Ġermanja) (rappreżentant: C. Antweiler, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4385 finali tat-12 ta’ Lulju 2018 dwar l-ilment tar-rikorrenti tat-28 ta’ Settembru 2016 li jikkonċerna għajnuna mill-Istat – SA.46538 (2017/NN).
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4385 finali tat-12 ta’ Lulju 2018 dwar l-ilment tar-rikorrenti li jikkonċerna għajnuna mill-Istat fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 7(a) tan-Niedersächsisches Nahverkehrsgesetz (il-Liġi dwar it-Trasport Lokali tal-Land ta’ Niedersächsen, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem in-“NNVG”) (Każ SA. 46538 [2017/NN]) (ĠU 2018, C 292, p. 1).
Ir-rikors huwa bbażat fuq il-motivi segwenti.
1.
Nuqqas ta’ notifika bħala għajnuna mill-Istat (ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE)
Fil-kuntest tal-ewwel motiv ir-rikorrenti tallega li l-Artikolu 7(a) tan-NNVG jikkostitwixxi skema ta’ għajnuna ġdida li, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, kellha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.
2.
Nuqqas ta’ notifika bħala regola ġenerali (ksur tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1))
Fil-kuntest tat-tieni motiv ir-rikorrenti tallega li l-Artikolu 7a tan-NNVG jikkostitwixxi skema awtonoma dwar il-kumpensi finanzjarji mogħtija għall-obbligi tas-servizz pubbliku li tistabbilixxi tariffi massimi għal tfal tal-iskola, studenti, apprendisti u persuni b’mobbiltà mnaqqsa u li, konformement mal-intenzjoni tal-Land ta’ Niedersächsen, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007. Dan għandu l-konsegwenza li l-Artikolu 7a tan-NNVG kellu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmi regolament.
(1) Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1)