26.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 427/97
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Ottubru 2018 – Antonakopoulos vs Il-Parlament
(Kawża T-590/18)
(2018/C 427/127)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Leonidas Antonakopoulos (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni li tissospendih mill-funzjonijiet tiegħu;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn l-amministrazzjoni ma semgħetux qabel ma adottat id-deċiżjoni, minkejja li smigħ kien ikun possibbli mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-interessi la tal-investigazzjoni, u lanqas tas-servizz.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn l-allegazzjoni ta’ nuqqas serju li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata hija konċiża, vaga u la hija ġġustifikata, u lanqas sostnuta permezz ta’ elementi preċiżi li juru l-eżistenza ta’ suspetti suffiċjenti li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li r-rikorrent naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li l-amministrazzjoni setgħet tadotta miżuri inqas severi filwaqt li tiżgura l-bżonnijiet tal-investigazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura, minn naħa, sa fejn l-amministrazzjoni ma bbilanċjatx l-interessi tar-rikorrent ma’ dawk tas-servizz, u b’mod partikolari l-fatt li r-rikorrent ħadem għal kważi 30 sena għall-Parlament, għandu relazzjonijiet eċċellenti mas-superjuri ġerarkiċi tiegħu u għandu rapporti ta’ evalwazzjoni tajbin ħafna, u, min-naħa l-oħra, sa fejn din id-deċiżjoni li ġiet imxandra b’mod rapidu tippreġudika l-personalità tiegħu u r-reputazzjoni tiegħu.