26.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 427/98
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2018 – Wywiał-Prząda vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-592/18)
(2018/C 427/129)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Katarzyna Wywiał-Prząda (Wezembeek-Oppem, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi u T. Martin, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
Tiddikjara u tiddeċiedi,
—
id-deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2017 li tiċħadilha l-allowance tal-espatrijazzjoni hija annullata;
—
il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv, imqajjem b’mod prinċipali, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif interpretat mis-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Hosman-Chevalier (C-424/05 P, EU:C:2007:367), minħabba li l-perijodu li matulu kienet residenti fil-Belġju matul il-perijodu ta’ riferiment taħt status diplomatiku huwa ekwivalenti għal sitwazzjoni “li [tinħoloq] minn xogħol li sar fi Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali”.
2.
It-tieni motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, fil-każ li dan il-perijodu ma jistax jiġi nnewtralizzat, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, għall-motiv li għandu jiġi kkunsidrat, fi kwalunkwe każ li, matul il-perijodu ta’ riferiment, hija ma kellhiex ir-rieda li tagħti lill-preżenza tagħha fil-Belġju, marbuta b’mod inseparabbli mal-missjoni diplomatika ta’ żewġha, in-natura stabbli inerenti għall-kunċett ta’ residenza abitwali.