10.12.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 445/20
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2018 – ZL vs EUIPO
(Kawża T-596/18)
(2018/C 445/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: ZL (rappreżentant: E. Fontes Vila, avukat)
Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2017 tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni miftuħa EUIPO/AD/01/17 li tindika r-riżultat tar-rikorrenti f’dik il-kompetizzjoni u kkonfermat li ma ġietx imqiegħda fuq il-“lista ta’ riżerva” tal-kandidati li għaddew;
—
tannulla, sussidjarjajament, bħala deċiżjonijiet konnessi, dan li ġej: l-ewwel, id-deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2018 tal-Bord tal-Għażla li permezz tagħha huwa wieġeb għat-talba tar-rikorrenti għal reviżjoni u kkonferma d-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2017; it-tieni, id-deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2018 tal-Awtorità tal-Ħatra li ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti tas-7 ta’ Ġunju 2018 u kkonfermat id-deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2017;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni legali suffiċjenti u ta’ dokumenti ta’ sostenn fil-korrispondenza u fid-deċiżjonijiet kollha mibgħuta minn EPSO u/jew EUIPO fir-rigward tal-kompetizzjoni miftuħa inkwistjoni, peress li r-rikorrenti ma setgħetx tivverifika jekk id-deċiżjonijiet li laqtugħa ħażinha kinux fondati u suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, u għalhekk dan ħoloq inċertezza legali u ħalla lir-rikorrenti mingħajr difiża quddiem l-amministrazzjoni.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq (i) il-ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba u aċċess għal dokumenti (Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 15 TFUE; Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1)) u tal-prinċipju orizzontali ta’ trasparenza, peress li l-aċċess tar-rikorrenti għall-mistoqsijiet ikkontestati tat-testijiet bil-kompjuter fuq ir-raġunament verbali ġie miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra billi sostniet li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tikkontesta r-rilevanza u l-validità tal-imsemmija mistoqsijiet kienet wisq ġenerali iżda mingħajr ma bbażat ruħha fuq ir-raġunijiet speċifiċi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-każistika sabiex dawn ma jingħatawx; u (ii) il-ksur tad-dritt ta’ difiża tar-rikorrenti, peress li t-talba tal-Awtorità tal-Ħatra li l-mistoqsijiet ikkontestati jiġu opposti f’iktar dettall ma huwiex prattikabbli għar-rikorrenti, u toħloq vulnerabbiltà partikolari peress li trid tipproduċi prova impossibbli.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ difiża tar-rikorrenti u tal-prinċipji ta’ mertu u ta’ kapaċità fil-kompetizzjoni inkwistjoni, ta’ trasparenza fl-aċċess liberu għas-servizz pubbliku u ta’ uwaljanza fit-trattament, peress li r-rikorrenti ma tistax tallega irregolarità materjali tal-mistoqsijiet ikkontestati abbażi tal-formulazzjoni fqira jew żbaljata tagħhom (pereżempju minħabba problemi ta’ traduzzjoni) wara li kisbet ir-riżultati tal-kompetizzjoni tagħha. Kandidat għandu dejjem ikun jista’ jikkontesta l-fatt li kien suġġett għal żbalji materjali f’mistoqsijiet fi kwalunkwe punt tal-proċess tal-kompetizzjoni, partikolarment wara li joħorġu r-riżultati. Ir-rikorrenti targumenta wkoll li traduzzjonijiet fqar jistgħu jagħtu vantaġġ ċar lill-kandidati li jagħżlu l-lingwa tas-sors tat-testijiet bil-kompjuter fuq ir-raġunament verbali.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tal-1 ta’ Diċembru 2017 hija vvizzjata minn żball manifest fil-proċess tal-kompetizzjoni, peress li l-mistoqsijiet ikkontestati tat-testijiet bil-kompjuter fuq ir-raġunament verbali kienu suġġetti għal irregolarità materjali.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
Full & Egal Universal Law Academy