3.12.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 436/60
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Ottubru 2018 – Ayuntamiento de Enguera vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-602/18)
(2018/C 436/84)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrent: Ayuntamiento de Enguera (Enguera, Spanja) (rappreżentanti: J. Palau Navarro, J. Ortiz Ballester u V. Soriano i Piqueras, abogados)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni adottata fis-26 ta’ Lulju 2018 mill-kap tal-unità “ENV.D.4 – Life programme”, tad-Direttorat “D – Kapital Naturali”, tad-Direttorat Ġenerali tal-Ambjent tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-Każ “LIFE 10 ENV/ES/000458 – ECOGLAUCA ÉRGON – Confirmation of recovery order”.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-ineżattezza tal-motivazzjoni, anki jekk jiġi preżunt li teżisti motivazzjoni impliċita.
3.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn:
—
inkiser id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ miżura individwali li tkun taffettwaha b’mod sfavorevoli. Fil-fatt, fil-kawża odjerna, l-inkartamenti tar-rikorrent ma ġewx ikkunsidrati u dan tal-aħħar ma ġiex intimat sabiex jippreżenta osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva;
—
it-talbiet min-naħa tar-rikorent għal aċċess għall-fajl fl-intier tiegħu ġew injorati;
—
filwaqt li r-rikorrent dejjem indirizza lill-konvenuta bl-Ispanjol, il-Kummissjoni adottat il-korrispondenza u d-deċiżjonijiet kollha tagħha bl-Ingliż.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat pubbliċi sa fejn id-deċiżjoni kkontestata la tapplika r-regoli u lanqas il-kriterji xjentifiċi adegwati, iżda tinkludi biss l-evalwazzjoni suġġettiva tagħha billi tnaqqas jew tannulla kull parteċipazzjoni ekonomika tal-Unjoni fi proġett approvat mingħajr ebda ġustifikazzjoni.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, sa fejn il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha b’kontradizzjoni mal-atti preċedenti tagħha, li fihom hija kienet tikkonferma b’mod sħiħ il-qbil tagħha mal-attivitajiet eżegwiti mir-rikorrent, b’tali mod li dan tal-aħħar ġie issuġġettat, f’daqqa waħda u b’mod li ma jinftiehemx, għal deċiżjoni li huwa ma setgħax jipprevedi fid-dawl tal-aġir preċedenti tal-Kummissjoni.
Full & Egal Universal Law Academy