10.12.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 445/21
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2018 – Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-604/18)
(2018/C 445/26)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Google LLC (Mountain View, California, l-Istati Uniti), Alphabet, Inc. (Mountain View) (rappreżentanti: N. Levy, Solicitor, P. Stuart, Barrister, J. Schindler u A. Lamadrid de Pablo, lawyers)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2018 fil-Każ COMP/AT.40099 – Google Android;
—
sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali; u
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti marbuta ma’ dawn il-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors preżenti huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 4761 finali tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar proċeduri skont l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu54 tal-Ftehim taż-ŻEE (AT.40099 – Google Android).
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball min-naħa tad-deċiżjoni kkontestata fl-evalwazzjoni tagħha tad-definizzjoni tas-suq u tad-dominanza.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata wettqet żball billi kkonstatat li Android hija dominanti.
—
Ir-rikorrenti jsostnu ulterjorment li d-deċiżjoni kkontestata wettqet żball billi kkonstatat li Play hija dominanti.
—
Ir-rikorrenti jesponu wkoll li l-affermazzjoni li Google hija dominanti f’servizzi ġenerali ta’ tiftix ipprovduti lil utenti ma tikkorrispondix mat-teorija tagħha ta’ abbuż, li tikkonċerna applikazzjonijiet ta’ riċerka mogħtija taħt liċenzja lil manifatturi oriġinali ta’ tagħmir.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq żball min-naħa tad-deċiżjoni kkontestata fil-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni tal-ftehim ta’ distribuzzjoni tal-applikazzjoni mobbli Google huma abbużivi.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata naqset milli turi li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni kkontestati setgħu jeskludu l-kompetizzjoni.
—
Huma jsostnu ulterjorment li d-deċiżjoni kkontestata injorat b’mod żbaljat li l-kundizzjonijiet ta’ preinstallazzjoni huma oġġettivament iġġustifikati inkwantu jippermettu lil Google tipprovdi pjattaforma Android mingħajr ħlas.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq żball min-naħa tad-deċiżjoni kkontestata fil-konstatazzjoni li s-sempliċi kundizzjoni ta’ preinstallazzjoni fil-ftehimiet ta’ Google dwar tqassim ta’ dħul ibbażati fuq il-portfolio hija abbużiva.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball min-naħa tad-deċiżjoni kkontestata fil-konstatazzjoni li kien abbużiv li Google tissuġġetta l-liċenzji għall-applikazzjonijiet Play u Google Search għal obbligi ta’ antiframmentazzjoni fil-ftehimiet ta’ antiframmentazzjoni.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata wettqet żball billi kkonstatat li l-obbligi ta’ antiframmentazzjoni jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni.
—
Ir-rikorrenti jsostnu ulterjorment li d-deċiżjoni kkontestata naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li obbligi ta’ antiframmentazzjoni huma oġġettivament iġġustifikati inkwantu jiżguraw il-kompatibbiltà.
5.
Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti min-naħa tad-deċiżjoni kkontestata.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni b’mod inkorrett ikkomunikatilhom l-analiżi tagħha tal-“kompetitur daqstant effikaċi” fl-espożizzjoni tal-fatti u rrifjutatilhom smigħ.
—
Ir-rikorrenti jsostnu ulterjorment li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tar-rikorrenti ta’ aċċess għall-fajl.
6.
Is-sitt motiv, ibbażat fuq żball min-naħa tad-deċiżjoni kkontestata fl-impożizzjoni ta’ multa u fil-kalkolu ta’ dik il-multa.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-multa hija illegali inkwantu naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ intenzjoni jew ta’ negliġenza ta’ Google.
—
Ir-rikorrenti jsostnu ulterjorment li l-multa hija illegali inkwantu ma osservatx il-prinċipju ta’ proporzjonalità.
—
Sussidjarjament, ir-rikorrenti jesponu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata wettqet żball fil-kalkolu tal-multa.
Full & Egal Universal Law Academy