7.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 4/30
Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ottubru 2018 – Sammut vs Il-Parlament
(Kawża T-608/18)
(2019/C 4/41)
Lingwa tal-kawża: il-Malti
Partijiet
Rikorrent: Mark Anthony Sammut (Foetz, il-Lussemburgu) (rappreżentant: P. Borg Olivier, avukat)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla, bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, id-deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2018 tal-Parlament Ewropew, meħuda skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li biha ċaħad l-ilment imressaq mir-rikorrent sabiex titneħħa dikjarazzjoni mir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2016, li tirrigwarda l-allegat nuqqas li javża lill-Awtorità tal-Ħatra bl-intenzjoni tiegħu li jippubblika ktieb fl-2016, intitolat “L-Aqwa fl-Ewropa. Il-Panama papers u il-Poter”; u konsegwentement,
—
tannulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni tal-4 ta’ Jannar 2018; u konsegwentement
—
tordna t-tneħħija tal-istess dikjarazzjoni msemmija fir-rapport ta’ evalwazzjoni (punt 3 dwar il-kondotta tar-rikorrent – Compliance with Rules and Procedures);
—
tillikwida d-danni mġarrba mir-rikorrent bħala konsegwenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet;
—
tordna lill-konvenut iħallas id-danni mġarrba mir-rikorrent bħala konsegwenza ta’ dawn id-deċiżjonijiet;
—
tikkundanna lill-Awtorità tal-Ħatra konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn dan l-artikolu huwa intiż li jipproteġi d-dritt fundamentali tal-libertà ta’ espressjoni ggarantit lir-rikorrent taħt l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u taħt l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, għandu jiġi evalwat il-bilanċ bejn id-dritt u l-obbligu, peress li mhux kull dritt huwa assolut.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persual, inkwantu s-suġġett tal-ktieb ma jirrigwardax “xogħol tal-Unjoni”, u għaldaqstant ir-rikorrent ma kienx obbligat li javża minn qabel lill-Awtorità tal-Ħatra bl-intenzjoni tiegħu. Il-kliem “kwestjoni li tittratta” jfissru u jirreferu għall-kontenut tad-dokument, li jkollu bħala għan tiegħu li jittratta “xogħol tal-Unjoni”. Dan ifisser li persuna trid tavza u tikseb permess biss jekk tkun ser tittratta b’xi mod il-ħidma tal-Unjoni. Minn dan joħroġ l-obbligu tal-Awtorità tal-Ħatra li tagħti interpretazzjoni stretta, u mhux wiesgħa, ta’ dak li huwa “xogħol tal-Unjoni”. Barra minn hekk, qiegħed jiġi allegat li:
—
id-deċiżjoni ma hijiex motivata għax hija bbażata fuq sempliċi opinjoni, u mhux fuq fatti jew kunsiderazzjonijiet legali;
—
l-obbligu impost mill-Awtorità tal-Ħatra huwa iktar oneruż minn dak stipulat fir-Regolamenti tal-Persunal;
—
id-deċiżjoni hija bbażata fuq diskrezzjoni sproporzjonata;
—
il-“kwestjoni li tittratta xogħol tal-Unjoni” għandha kuntest eżistenti dedott fit-tħaddim tal-Unjoni f’linji gwidi oħra;
—
peress li ma hemm ebda referenza għax-xogħol tiegħu jew xogħol ieħor tal-Unjoni fil-ktieb, ir-rikorrent ma naqasx mill-obbligu tiegħu ta’ fiduċja, lealtà u imparzjalità lejn l-Unjoni;
—
mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu, 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C-274/99 P, EU:C:2001:127, punti 43 sa 62), jirriżultaw numru ta’ punti rilevanti għall-evalwazzjoni tal-applikazzjoni u għat-tħaddim tal-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq danni morali mġarrba mir-rikorrent minħabba d-deċiżjoni, kemm fil-post tax-xogħol, kif ukoll fil-ħajja personali tiegħu, u l-impatt li dawn kellhom fuq il-kitba letterarja tiegħu. Konsegwentement hemm bżonn li ssir likwidazzjoni u ħlas eventwali ta’ dawn id-danni bħala kumpens.