17.12.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 455/28
Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2018 – ZR vs EUIPO
(Kawża T-610/18)
(2018/C 455/37)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: ZR (rappreżentanti: S. Rodrigues u A. Blot, avukati)
Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-bord tal-għażla tal-1 ta’ Diċembru 2017 li ma tinkludix lir-rikorrenti fil-“lista ta’ riżerva”, jiġifieri fid-database tal-kandidati magħżula, fil-kompetizzjoni ġenerali EUIPO/AD/01/17 – AD 6 – amministraturi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali;
—
sa fejn huwa neċessarju, tannulla d-deċiżjoni tal-bord tal-għażla tas-7 ta’ Marzu 2018 li tiċad it-talba għal eżami mil-ġdid min-naħa tar-rikorrenti;
—
sa fejn huwa neċessarju, tannulla d-deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-EUIPO, tas-27 ta’ Ġunju 2018 u nnotifikata fid-29 ta’ Ġunju 2018, li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 27 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Artikolu 1(a) u (c) tal-Anness III tal-imsemmija regolamenti.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 3 tal-Anness III tal-imsemmija regolamenti u tal-Artikolu 3 tal-Anness III tal-avviż ta’ kompetizzjoni (“Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kompetizzjoniijiet ġenerali”).
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka il-ħatra allegatament illegali tal-bord tal-għażla.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll l-assenza ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet li bihom ġie maħur il-bord tal-għażla u tal-ismijiet tal-membri kollha tal-bord.
—
Ir-rikorrenti ssostni l-assenza ta’ rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ membri maħtura mill-kumitat tal-persunal u ta’ membri maħtura mill-Awtorità tal-Ħatra fil-kompożizzjoni tal-bord tal-għażla.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll l-assenza ta’ rappreżentazzjoni bbilanċjata ta’ rġiel u ta’ nisa’ fil-kompożizzjoni tal-bord tal-għażla.
—
Fl-aħħar, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tallega l-ksur tal-prinċipji ta’ stabbiltà u ta’ kontinwità tal-bord tal-għażla.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq nuqqas ta’ trasparenza.
—
Ir-rikorrenti ssostni li l-bord tal-għażla ħalla barra ċerti fatti u tinvoka f’dan ir-rigward l-evalwazzjoni tal-kompetenzi mwettqa mill-bord tal-għażla kif deskritt fl-avviż ta’ kompetizzjoni.
—
Ir-rikorrenti ssostni li ċerti riżultati indikati fil-passaport ta’ kompetenzi ma jikkonformawx mal-avviż ta’ kompetizzjoni u tilmenta dwar nuqqas ta’ trasparenza f’dan ir-rigward.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-passaport ta’ kompetenzi jinkludi dikjarazzjonijiet kontradittorji.