7.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 4/31
Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2018 – Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-616/18)
(2019/C 4/42)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo S.A. (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentanti: E. Buczkowska u M. Trepka, konsulenti legali)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Mejju 2018 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Kawża AT.39816 — Provvisti tal-gass upstream fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant) (1) li kkonkludiet l-imsemmija proċedura fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (2), billi rrendiet obbligatorjament vinkolanti l-impenji tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata Gazprom u Gazprom Export LLC (iktar ’il quddiem “Gazprom”) tal-15 ta’ Marzu 2018;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni vvizzjata bi ksur manifest tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-provi miġbura u qieset li l-ilmenti mressqa matul il-proċedura AT.39816, li kienu jikkonċernaw l-issuġġettar, minn Gazprom, tal-provvisti tal-gass lill-Polonja għall-kisba tal-kontroll tal-infrastrutturi tal-gass fil-Polonja, ma kinux iġġustifikati u, minħabba dan l-iżball, aċċettat l-impenji ta’ Gazprom li ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni l-ilmenti mressqa f’dan ir-rigward.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni vvizzjata bi ksur manifest tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni aċċettat impenji ta’ Gazprom dwar l-applikazzjoni ta’ prezzijiet żleali u manifestament eċċessivi, u li ma kinux jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-ilmenti tal-Kummissjoni, inkluża s-sostanza ta’ dawn l-ilmenti, jiġifieri l-fatt li l-operatur dominanti rrikorra għal prezzijiet manifestament eċċessivi.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni vvizzjata bi ksur manifest tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 flimkien mal-Artikolu 102 TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-Kummissjoni aċċettat l-impenji ta’ Gazprom, dwar l-implimentazzoni ta’ restrizzjonijiet territorjali, li ma kinux jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-ilmenti tal-Kummissjoni, u li kienu ta’ natura selettiva u li kienu jirriproduċu impenji li kienu diġà offerti mill-operatur dominanti fi proċeduri oħra, li madankollu ma wasslux għal bidla fl-aġir tiegħu.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni vvizzjata bi ksur manifest tal-Artikolu 7 TFUE flimkien mal-Artikolu 194(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tmur kontra l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt negattiv tagħha fis-suq Ewropew tal-provvista tal-gass, liema deċiżjoni ssaħħaħ iktar, b’mod partikolari, l-iżolament u ż-żamma tal-kundizzjonijiet antikompetittivi fis-swieq tal-gass tal-Istati tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant meta mqabbla mal-Ewropa tal-Punent, minkejja li l-imsemmija politika għandha bħala għan l-integrazzjoni ta’ dawn is-swieq u l-garanzija ta’ kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali għas-swieq kollha tal-Unjoni.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ deċiżjoni vvizzjata bi ksur manifest tal-Artikolu 18(1) TFUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, minħabba l-introduzzjoni ta’ diskriminazzjoni bejn il-kokontraenti ta’ Gazprom attivi fis-swieq tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, inkluża r-rikorrenti, u l-kokontraenti ta’ Gazprom attivi fis-swieq tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent, minkejja li ż-żewġ gruppi tal-imsemmija kokontraenti joperaw fl-istess suq tal-provvista tal-gass tal-Unjoni u, f’dan is-sens, jibbenefikaw mir-regoli tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 194(1) TFUE, kif ukoll minn atti tad-dritt sekondarju adottati fuq din il-bażi.
6.
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq abbuż ta’ poter, kif ukoll fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, sa fejn il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tmur oġġettivament kontra l-għan tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 u mexxiet il-proċedura AT.39816 bi ksur manifestament tal-poteri fdati lilha.
(1) ĠU 2018, C 258, p. 6.
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.