14.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/46
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ottubru 2018 – FT vs ESMA
(Kawża T-625/18)
(2019/C 16/57)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: FT (rappreżentant: S. Pappas, avukat)
Konvenuta: L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni ESMA41-137-1154 tad-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tad-9 ta’ Awwissu 2018 li permezz tagħha l-ESMA titlob l-irkupru ta’ EUR 12 000, dwar spejjeż sostnuti minnha fil-Kawża F-39/14;
—
tannulla n-nota ta’ debitu Nru 4440180170 tal-10 ta’ Awwissu 2018 relatata magħha maħruġa mill-ESMA;
—
tikkundanna lill-ESMA tbati l-ispejjeż tagħha stess kif dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent tinvok tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 98 tar-Regolament Finanzjarju (1), l-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju tal-ESMA (2), l-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll tal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-kawża, peress li l-ammont allegatament dovut mir-rikorrenti u indikat fl-atti kkontestati ma ġiex stabbilit konformement mal-Artikolu 170 mill-Qorti Ġenerali.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-ispejjeż mitluba mill-konvenuta ma jistgħux ikunu rkuprati, minħabba li hija eċċediet it-terminu raġonevoli sabiex tressaq ta’ tali talbiet.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-konvenuta fir-rigward tal-ammont mitlub mir-rikorrenti sa fejn l-ammont ta’ EUR 12 000 li huwa mitlub huwa eżorbitanti.
(1) Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1).
(2) Deċiżjoni tal-Bord Maniġerjali dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ESMA/2014/MB/38.