14.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/50
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2018 – Deza vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-638/18)
(2019/C 16/61)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Deza, a.s. (Valašské Meziříčí, ir-Repubblika Ċeka) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, M. Grunchard, R. Crespi u S Saez Moreno, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu kkawżat lilha mill-konvenuta;
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti għad-danni sostnuti mir-rikorrenti bħala konsegwenza diretta tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013, L 261, p. 5), sa fejn dan jikklassifika żift, qatran tal-faħam, temp.-għolja bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410), evalwati fl-ammont totali ta’ CZK 4 784 000,00, jew kwalunkwe ammont ieħor kif stabbilit mir-rikorrenti matul il-proċeduri imenti jew mill-Qorti;
—
sussidjarjament, tiddeċiedi f’sentenza interlokutorja li l-konvenuta hija obbligata tikkumpensaha għad-dannu sostnut u tordna lill-partijiet jipproduċu lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’perijodu raġonevoli mid-data tas-sentenza, iċ-ċifri dwar l-ammont tal-kumpens miftiehem bejn il-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, tordna lill-partijiet jippreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess perijodu s-sottomissjonijiet tagħhom b’ċifri ddettaljati insostenn;
—
tordna lill-konvenuta thallas lir-rikorrenti interessi kumpensatorji bir-rata stabbilita għal każ ta’ inadempjenza mid-data tat-telf sostnut (jiġifieri jew mid-data tad-dhul fis-sehh tal-klassifikazzjoni illegali jew mid-data meta d-dannu ğie fis-seħħ);
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-interessi moratorji ta’ 8 %, jew kwalunkwe rata xierqa oħra li għandha tiġi ddeterminata mill-Qorti tal-Ġustizzja, ikkalkolata fuq l-ammont pagabbli mid-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-ħlas effettiv; u
—
tordna lill-konvenuta thallas l-ispejjeż kollha tal-proćeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kkawżat dannu lir-rikorrenti permezz tal-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 (1), li jikklassifika s-sustanza żift, qatran tal-faħam, temp.-għolja bħala sustanza Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410). Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni Ewropea kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tannulla parzjalment ir-Regolament Nru 944/2013 sa fejn dan jikklassifika s-sustanza żift, qatran tal-faħam, temp.-għolja bħala Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410) minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti kellha tbati l-ispejjeż għall-applikazzjoni tal-klassifikazzjoni illegali. Il-konvenuta kellha tkun responsabbli għal dawk l-ispejjeż skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE peress li l-aġir tal-konvenuta huwa illegali minħabba li dan jikkostitwixxi ksur suffiċentement serju tal-liġi, id-dannu kkawżat huwa reali u ċert u hemm rabta kawżali diretta bejn l-aġir tal-konvenuta u d-dannu invokat.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013, L 261, p. 5).