14.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/53
Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2018 – Bilbaína de Alquitranes vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-645/18)
(2019/C 16/64)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Bilbaína de Alquitranes, SA (Luchana-Baracaldo, Vizcaya, Spanja) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, M. Grunchard, R. Crespi u S. Saez Moreno, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;
—
tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu kkawżat mill-konvenuta;
—
tikkundanna lill-konvenuta tikkumpensa d-danni kollha subiti mir-rikorrenti bħala konsegwenza diretta tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013, L 261, p. 5), sa fejn dan ikklassifika s-sustanza żift, qatran tal-faħam, temp.-għolja bħala sustanza Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410), stmati għal ammont totali ekwivalenti għal EUR 488 871,30 jew għal kull ammont ieħor stabbilit mir-rikorrenti matul il-proċedura jew mill-Qorti Ġenerali;
—
sussidjarjament, tiddikjara, permezz ta’ sentenza interlokutorja, li l-konvenuta hija obbligata tikkumpensa d-dannu subit u tikkundanna lill-partijiet jikkomunikaw lill-Qorti Ġenerali, fi żmien raġonevoli mid-data tas-sentenza, iċ-ċifri relatati mal-ammont tal-kumpens miftiehem bejn il-partijiet jew, fin-nuqqas ta’ ftehim, tikkundanna lill-partijiet jikkomunikaw lill-Qorti Ġenerali, fl-istess żmien, l-osservazzjonijiet tagħhom li jinkludu ċifri ddettaljati insostenn;
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti interessi kumpensatorji bir-rata awtomatika mid-data tad-danni subiti (jiġifieri, jew mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-klassifikazzjoni illegali jew mid-data li fiha d-dannu mmaterjalizza ruħu);
—
tikkundanna lill-konvenuta tħallas interessi moratorji ta’ 8 %, jew kull rata adegwata oħra li għandha tiġi ddeterminata mill-Qorti Ġenerali, ikkalkolata fuq l-ammont dovut mid-data tas-sentenza sal-ħlas effettiv; u
—
tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż kollha tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kkawżat dannu lir-rikorrenti permezz tal-adozzjoni u tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 (1), li jikklassifika s-sustanza żift, qatran tal-faħam, temp.-għolja bħala sustanza Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410). Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali li annullat parzjalment ir-Regolament (UE) Nru 944/2013 sa fejn dan ikklassifika s-sustanza żift, qatran tal-faħam, temp.-għolja bħala sustanza Aquatic Acute 1 (H400) u Aquatic Chronic 1 (H410) minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti subiet spejjeż sabiex tapplika l-klassifikazzjoni illegali. Il-konvenuta hija responsabbli għal dawn l-ispejjeż skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE peress li l-aġir tal-konvenuta huwa illegali inkwantu dan jammonta għal ksur suffiċjentement serju tal-liġi, id-dannu kkawżat huwa reali u ċert u hemm rabta kawżali diretta bejn l-aġir tal-konvenuta u d-dannu allegat.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 944/2013 tat-2 ta’ Ottubru 2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013, L 261, p. 5).