14.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/54
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ottubru 2018 – ZQ vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-647/18)
(2019/C 16/65)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: ZQ (rappreżentant: C. Cortese, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati u, b’mod partikolari:
a)
tannullat id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-15 Diċembru 2017, irreġistrata f’ares fit-18 ta’ Diċembru 2017, HR.E.2/AS/Ares (2017), dwar “Request for assistance D/374/17” u li tiċħad it-talba għall-assistenza;
b)
tannulla, sa fejn neċessarju, id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ċaħdet l-ilment imressaq mir-rikorrent, N. R/187/18, HR.E.2/Ares (2018), tat-19 ta’ Lulju 2018;
c)
tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas kumpens għad-dannu sostnut mir-rikorrent bħala riżultat tad-diversi atti illegali indikati fid-deċiżjoni kkontestata u li huma marbuta mill-qrib magħha, ikkwantifikati fl-ammont ta’ EUR 1 000 000;
barra minn hekk,
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proeċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
F’din il-kawża r-rikorrent jopponi r-rifjut tal-Kummissjoni li tilqa’ t-talba tiegħu għal assistenza, fir-rigward tal-fastidju li allegatament huwa vittma tiegħu minħabba l-orjentament sesswali tiegħu.
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jibbaża fuq tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li, minn perspettiva ġenerali, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni jirriżulta b’mod ċar fil-preġudizzju, espress fl-istess deċiżjoni, li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent ma humiex kredibbli peress li jirrigwardaw perijodu ta’ żmien twil ħafna li matulu r-rikorrent ma ressaq ebda ilment formali.
—
L-eżistenza ta’ preġudizzju hija barra minn hekk l-unika spjegazzjoni għall-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra ħalliet barra mill-portata tad-deċiżjoni kkontestata numru ta’ inċidenti rrappurtati, li għalihom ma saret ebda evalwazzjoni.
—
L-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar il-fastidju allegatament soffert ġew mnaqqsa ta’ malajr għal każijiet normali ta’ organizzazzjoni ħażina jew kunflitt normali fil-post tax-xogħol.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur ta’ dritt.
Ir-rikorrent isostni, f’dan ir-rigward:
a)
l-applikazzjoni ta’ kunċett żbaljat ta’ fastidju, li jimplika r-rekwiżit ta’ intenzjoni ta’ ħsara (animus nocendi) min-naħa tal-awtur tal-att;
b)
l-applikazzjoni ta’ livell ta’ prova li ma jikkorrispondix għal dak tad-dritt applikabbli (prova prima facie) iżda li timplika l-prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li tistabbilixxi l-fatti u l-klassifikazzjoni ġuridika mhux ambigwa tagħhom;
(c)
l-applikazzjoni ta’ livell ta’ prova manifestament żbaljat fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tal-ilmenti fir-rigward taż-żmien li għadda;
(d)
il-ksur tal-obbligu li titwettaq investigazzjoni ex officio fejn hemm allegazzjonijiet kredibbli.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.
—
Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li, anki meta jitqies li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet hija integrata fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, id-deċiżjoni kkontestata hija fil-parti l-kbira nieqsa minn motivazzjoni xierqa.
Fir-rigward tat-talbiet għal kumpens tad-danni, ir-rikorrent isostni li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza huma ssodisfatti f’dan il-każ.