21.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 25/46
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Novembru 2018 – Securitec vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-661/18)
(2019/C 25/60)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Securitec (Livange, il-Lusemburgu) (rappreżentant: P. Peuvrel, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara dan ir-rikors għal annullament formalment ammissibbli;
—
sostantivament, tiddikjara ġġustifikat ir-rikors għal annullament;
—
għalhekk, tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda kkontestata tas-7 ta’ Settembru 2018;
—
tannulla wkoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2018;
—
tagħmel kull tali ordni sussegwenti skont kif neċessarju;
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż u ħlasijiet oħra sostnuti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jivvizzja, minn naħa, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Settembru 2018 li tiċħad l-offerta sottomessa mir-rikorrenti taħt is-sejħa għal offerta Nru HR/R1/PR/2017/059 intitolata “Manutenzjoni tal-installazzjonijiet ta’ sigurtà fil-binjiet okkupati u/jew immaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea fil-Belġju u fil-Lussemburgu” (ĠU 2018/S 209-476275) u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2018 li tirrifjuta li tagħti lir-rikorrenti l-preċiżjonijiet li hija talbet dwar l-imsemmija sejħa għal offerti. Fil-fatt, id-deċiżjoni li tiġi miċħuda s-sejħa għal offerti sottomessa mir-rikorrenti sempliċement tafferma li l-offerta ma kinitx tipproponi l-orħos prezz, filwaqt li l-kriterju tal-prezz ma kienx l-unika kriterju previst mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. In-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa ekwivalenti għal nuqqas ta’ motivazzjoni, u dan għandu jiġi ssanzjonat bl-annullament tad-deċiżjoni.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li l-kriterju tal-orħos prezz ma kienx l-unika kriterju li ttieħed inkunsiderazzjoni u li, barra minn hekk, l-offerta magħżula kellha tkun regolari u konformi. Skont ir-rikorrenti, l-awtorità kontraenti ma kellhiex iċ-ċertifikazzjoni NEDAP li madankollu kien rekwiżit impost mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għaldaqstant, l-għoti tal-kuntratt lil din il-kumpannija kien illegali, u d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li jivvizzjaw id-deċiżjonijiet ikkontestati, fid-dawl b’mod partikolari tar-rekwiżit sproporzjonat ta’ dħul mill-bejgħ minimu ta’ EUR 900 000 għall-impriżi li għamlu offerta għal-Lott Nru 4 fil-Lussemburgu, u tan-nuqqas tal-Kummissjoni li tirrispondi għad-domani magħmula fl-ittra tar-rikorrenti tat-28 ta’ Ġunju 2018.