28.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 35/24
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2018 – ZV vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-684/18)
(2019/C 35/30)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: ZV (rappreżentant: J.-N. Louis, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, innotifikati permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2018, li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti għall-pożizzjoni ta’ Assistent Ombudsman u li jimlew il-pożizzjoni bin-nominazzjoni ta’ kandidat ieħor;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti targumenta li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2017/1739 ma kienx jippermetti li jiġi ggarantit li l-kandidat magħżul effettivament ikollu t-taħriġ u l-esperjenza indispensabbli għall-eżerċizzju tal-impjieg vakanti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqajjem l-argument li l-kandidat li ntagħżlet il-kandidatura tiegħu ma kellux l-kwalifikazzjonijiet meħtieġa kollha, b’mod partikolari esperjenza ta’ medjazzjoni u għarfien legali approfondit tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.
2.
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2002/601) tal-4 ta’ Marzu 2002 dwar is-servizz ta’ medjazzjoni msaħħaħ, sa fejn l-Artikolu 6(3) jipprevedi li l-President tal-Kummissjoni għandu jwettaq in-nominazzjoni tal-Assistenti Ombudsmen fuq proposta tal-Ombudsman, iżda la tipprevedi proċedura ta’ preselezzjoni u lanqas l-istabbiliment ta’ lista tal-kandidati magħżula. Issa, f’dan il-każ, il-kumitat konsultattiv tan-nominazzjonijiet organizza proċedura ta’ preselezzjoni u bagħat lill-Ombudsman it-tliet kandidaturi li huwa kien għażel. Minn dan isegwi, skont ir-rikorrenti, li l-Ombudsman ma eżaminax il-kandidaturi kollha u li għalhekk huwa bi ksur tad-dispożizzjoni ppreċitata li huwa ppropona lill-President tal-Kummissjoni li jipproċedi għan-nominazzjoni tal-kandidat magħżul.
3.
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma vvizzjati bih.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2017/1739 u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti targumenta li, kuntrarjament għaliha, il-kandidat magħżul ma jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż msemmi iktar ’il fuq sabiex jokkupa l-impjieg kontenzjuż, jiġifieri b’mod partikolari għarfien tajjeb tar-Regolamenti tal-Persunal u tar-regolamenti applikabbli għal uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni u esperjenza fis-soluzzjoni tat-tilwim.