28.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 35/25
Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2018 – KPN vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-691/18)
(2019/C 35/32)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: KPN BV (Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: P. van Ginneken u G. Béquet, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018)3569 finali tat-30 ta’ Mejju 2018 li tiddikjara li l-konċentrazzjoni li tinvolvi l-akkwist, minn Liberty Global plc, tal-kontroll esklużiv ta’ Ziggo NV hija kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ M.7000 – Liberty Global/Ziggo);
—
tibgħat il-kawża lura quddiem il-Kummissjoni għal investigazzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament dwar il-Mergers (1), u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fid-definizzjoni tas-suq fir-rigward tal-kanali tal-isport u tal-films tat-televiżjoni premium bi ħlas
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, waqt il-proċedura amministrattiva, hija sostniet li Ziggo Sport Totaal (“ZST”) huwa “indispensabbli” għall-operaturi li jipprovdu t-televiżjoni, servizzi ta’ broadband u ta’ telefonija mobbli lill-konsumatur finali, u pakketti (bundles) li jinkludu wieħed jew iktar minn dawn is-servizzi, sabiex ikunu jistgħu jikkompetu fis-suq tal-bejgħ bl-imnut. Allegatament, dan ġie kkonfermat permezz ta’ investigazzjoni tas-suq imwettqa mill-Kummissjoni. Konsegwentement, iż-żewġ kanali tal-isport tat-televiżjoni premium bi ħlas ZST u FOX Sports ma jistgħux jiġu ssostitwiti.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li madankollu l-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm suq wieħed għall-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ kanali tal-isport tat-televiżjoni premium bi ħlas, li jinkludu ZST u FOX Sports, u li ma kien hemm bżonn ta’ ebda segmentazzjoni ulterjuri tas-suq.
—
Skont ir-rikorrenti, dawn l-iżbalji fid-definizzjoni tas-suq jaffettwaw l-evalwazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni u finalment jaffettwaw il-konklużjoni li l-merger għandu jiġi awtorizzat.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni mmotivat b’mod insuffiċjenti d-definizzjoni tas-suq fir-rigward tal-kanali tal-isport u tal-films tat-televiżjoni premium bi ħlas
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li s-suppożizzjoni tal-Kummissjoni li FOX Sports u ZST huma parti mill-istess suq kienet tkun tirrikjedi spjegazzjoni estensiva għaliex din is-suppożizzjoni tmur kontra l-investigazzjoni tas-suq imwettqa mill-Kummissjoni li indikat li ZST huwa “indispensabbli” u d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-definizzjoni tas-suq għall-kanali tal-films tat-televiżjoni premium bi ħlas.
—
Skont ir-rikorrenti, dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-definizzjoni tas-suq ikun jaffettwa l-evalwazzjoni ulterjuri tal-Kummissjoni u finalment jaffettwa l-konklużjoni li l-merger għandu jiġi awtorizzat.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-abbiltà li ZST jiġi prekluż u tal-impatt ta’ dan fuq is-suq għall-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ ZST
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-merger estenda s-saħħa tal-partijiet li qegħdin jingħaqdu f’merger fis-suq għal ZST għat-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi sħiħ.
—
Ir-rikorrenti ssussegwentement issostni li billi jirrifjutaw li jipprovdu aċċess, lil parti terza, għal ZST (fuq termini vijabbli ekonomikament), il-partijiet li qegħdin jingħaqdu f’merger għandhom l-abbiltà li jipprekludu ż-ZST lill-kompetituri downstream tagħhom.
4.
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li l-Kummissjoni mmotivat b’mod insuffiċjenti l-evalwazzjoni tal-abbiltà li ZST jiġi prekluż u tal-impatt ta’ dan fuq is-suq għall-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ ZST
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni tiċħad l-argument li ZST huwa “indispensabbli”, u għaldaqstant jista’ jiġi prekluż, abbażi tad-definizzjoni tas-suq tiegħu fit-taqsima 5.1.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata. Fuq il-bażi tas-sottomissjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix definizzjoni tas-suq, jew tagħti definizzjoni żbaljata tas-suq, hija targumenta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tkun qiegħda titlaq minn punt ta’ tluq ħażin.
—
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni mmotivat b’mod insuffiċjenti l-evalwazzjoni tagħha tan-nuqqas ta’ abbiltà tal-partijiet li qegħdin jingħaqdu f’merger li jipprekludu ZST u tal-impatt ta’ dan.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-abbiltà li l-kontenut ta’ HBO jiġi prekluż
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni b’mod żbaljat evalwat li l-partijiet magħquda f’merger ma għandhom ebda saħħa sinjifikanti fis-suq, abbażi ta’ nuqqas ta’ definizzjoni tas-suq u suppożizzjonijiet żbaljati.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni mmotivat b’mod insuffiċjenti l-evalwazzjoni tal-abbiltà li l-kontenut HBO jiġi prekluż
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li mingħajr definizzjoni tas-suq affidabbli fir-rigward tal-kontenut ta’ films, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-effetti tal-merger fuq l-imsemmi suq hija awtomatikament motivata b’mod insuffiċjenti.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).