18.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 65/40
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2018 – Durand et vs Il-Parlament
(Kawża T-702/18)
(2019/C 65/51)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Pascal Durand (Pariġi, Franza) u seba’ rikorrenti oħra (rappreżentanti: O. Brouwer u E. Raedts, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara li l-Parlament naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 226(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 198(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew, inkwantu l-Konferenza tal-Presidenti naqset milli tissottometti proposta lill-plenarja tal-Parlament Ewropew għall-kostituzzjoni ta’ Kumitat ta’ Inkjesta;
—
sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ittra tal-21 ta’ Settembru 2018 tal-President tal-Parlament tinkludi pożizzjoni finali inekwivoka li ġġib fi tmiemu n-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni, tannulla d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-21 ta’ Settembru 2018 li tirrifjuta li proposta għall-kostituzzjoni ta’ Kumitat ta’ Inkjesta tiġi sottomessa għall-plenarja tal-Parlament Ewropew;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż tal-kawża, inklużi l-ispejjeż ta’ partijiet intervenjenti possibbli.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Konferenza ta’ Presidenti tal-Parlament kienet meħtieġa tifformula u tibgħat lill-plenarja tal-Parlament Ewropew proposta dwar il-kompożizzjoni ta’ Kumitat ta’ Inkjesta, li jirrigwarda l-benesseri tal-annimali fit-trasport, kif mitlub minn 223 Membru tal-Parlament Ewropew, bis-saħħa tal-Artikolu 198(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew u konformement mal-Artikolu 226 ta-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Deċiżjoni li tirrifjuta li tagħmel dan tkun tmur kontra dawn l-istess artikoli.