11.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 54/27
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2018 – Apostolopoulou u Apostolopoulou-Chrysanthaki vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-721/18)
(2019/C 54/41)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Zoï Apostolopoulou (Ateni, il-Greċja) u Anastasia Apostolopoulou-Chrysanthaki (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: D. Gkouskos, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tilqa’ r-rikors tagħhom u tikkundanna lill-konvenuti, flimkien u in solidum, iħallsu lill-kull rikorrenti l-ammont totali ta’ EUR 500 000, hekk kif dan l-ammont huwa mqassam fid-dettall fir-rikors tagħhom;
—
tordna lill-konvenuti sabiex, fil-ġejjieni, jastjenu ruħhom minn kull preġudizzju għall-personalità tar-rikorrenti;
—
tordna lill-ewwel konvenuta terġa tistabbilixxi l-unur u r-reputazzjoni tar-rikorrenti permezz ta’ dikjarazzjoni quddiem l-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja), fejn hija pendenti fit-tieni istanza l-kawża mressqa mir-rikorrenti fil-11 ta’ Settembru 2017, irreġistrata bin-numru tar-Reġistru Ġenerali 572461/2017, u bin-numru tar-Reġistru Speċjali 1898/2017, li fil-kuntest tagħha l-ewwel konvenuta għamlet id-dikjarazzjonijiet foloz u offensivi inkwistjoni fil-konfront tar-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż proċedurali kollha.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan ir-rikors qed jitressaq kontra l-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea. Minħabba li l-Unjoni Ewropea dejjem tiġi rrappreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-istituzzjoni li liha jkun imputabbli l-att jew l-aġir ikkontestat, il-Kummissjoni hija l-unika konvenuta f’din il-kawża.
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dinjità umana u tal-personalità tar-rikorrenti, minħabba d-dikjarazzjonijiet diffamatorji magħmulin mill-Kummissjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni, il-Greċja), u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba bil-għan li tinkiseb eżekuzzjoni forzata kontra r-rikorrenti.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ legalità, ta’ bona fide u ta’ aspettattivi leġittimi, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti, inkwantu soċji, huma legalment responsabbli u li l-kumpannija ma kellhiex personalità ġuridika, meta huwa stabbilit li hija kienet parti għal diversi kuntratti bil-konsapevolezza li, taħt id-dritt Grieg u skont l-Istatut tal-Kumpannija, ir-rikorrenti ma kinux personalment responsabbli għall-obbligi li għalihom daħlet il-kumpannija.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, sa fejn ir-rikorrenti ma kinux parti fil-proċeduri li fil-kuntest tagħhom inħarġu t-titoli eżekuttivi.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-aċċelerazzjoni inġusta u abużiva tal-proċedura eżekutorja fil-konfront tar-rikorrenti.