25.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/32
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Diċembru 2018 – Barata vs Il-Parlament
(Kawża T-723/18)
(2019/C 72/41)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: João Miguel Barata (Evere, il-Belġju) (rappreżentanti: G. Pandey, D. Rovetta u V. Villante, avukati)
Konvenut: Il-Parlament Ewropew
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla, l-ewwel nett, id-deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2018 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament Ewropew, li ċaħdet l-ilmenti tar-rikorrent abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, magħmula fit-2 ta’ Frar 2018 u fit-13 ta’ April 2018;
—
tannulla, it-tieni nett, id-deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2018 tad-Direttur tal-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani li tirrifjuta l-eżami mill-ġdid tal-applikazzjoni tar-rikorrent sabiex jiħu sehem fl-iskema ta’ taħriġ għall-proċess ta’ ċertifikazzjoni u li effettivament eskludietu mill-proċess ta’ ċertifikazzjoni tal-2017;
—
tannulla, it-tielet nett, id-deċiżjonijiet tat-8 ta’ Diċembru 2017 u tal-21 ta’ Diċembru 2017 tad-Direttur tal-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani li l-applikazzjoni tar-rikorrent tiġi kkunsidrata inammissibbli, sempliċement minħabba n-nuqqas tal-indiċi fl-applikazzjoni tiegħu għall-iskopijiet tal-programm ta’ taħriġ taħt il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-2017;
—
tannulla, ir-raba’ nett, id-deċiżjoni tal-Parlament tal-1 ta’ Marzu 2018 li tinnotifika r-riżultati ġenerali lir-rikorrent u li ma tinkludiħx fil-lista tal-uffiċjali magħżula għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-2017, minħabba li l-applikazzjoni tiegħu ma kinitx ammissibbli;
—
tannulla, il-ħames nett, l-avviż intern ta’ kompetizzjoni tat-22 ta’ Settembru 2017 li ġie ċċirkolat mal-persunal;
—
tannulla, fl-aħħar nett, l-abbożż ta’ lista ta’ uffiċjali magħżula, wara dan il-proċess, biex jieħdu sehem fl-imsemmi programm ta’ taħriġ.
—
tiddikjara, preliminarjament, jekk xieraq, li l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa invalidu u ma japplikax għal dawn il-proċeduri, skont l-Artikolu 277 tat-Trattat dwar il-Funżjonament tal-Unjoni Ewropea.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq alegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal u ksur tal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funżjonament tal-Unjoni Ewropea.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba, ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smiegħ tar-rikorrent u għalhekk ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-obbligu ta’ amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq allegazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 1, 2, 3, u 4 tar-Regolament Nru 1/58 (1) u, barra minn hekk, ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni.
(1) Ir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy