25.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/33
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Diċembru 2018 – Sumitomo Chemical u Tenka Best vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-734/18)
(2019/C 72/42)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Sumitomo Chemical (UK) plc (Londra, ir-Renju Unit) u Tenka Best, SL (Aiguafreda, Spanja) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, avukat u V. McElwee, solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1251 tat-18 ta’ Settembru 2018 li ma tapprovax l-empentrin bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 18 (1);
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta naqset milli ssegwi l-passi proċedurali kif kienet obbligata tagħmel qabel l-adozzjoni tal-att ikkontestat. Li kieku tali passi ġew segwiti, l-att adottat seta’ kien differenti.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-oqsma segwenti: billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni irregolaritajiet proċedurali fir-reviżjoni tal-empentrin; billi ppermettiet riskju ipotetiku li jimplika n-nuqqas ta’ approvazzjoni tal-empentrin; billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti għall-benesseri tal-annimali li jirriżultaw mir-Regolament dwar l-użu tal-prodotti bijoċidali (2).
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenuta naqset milli tiżgura d-drittijiet tad-difiża tal-ewwel rikorrenti.
—
Il-kummenti u d-data kkomunikati mill-ewwel rikorrenti ma ġewx eżaminati, u għalhekk kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
—
L-ewwel rikorrenti ma bbenefikatx minn żmien suffiċjenti sabiex tiżviluppa d-data supplimentari tagħha, u d-derogi mid-data tagħha ġew miċħuda inġustament.
(1) ĠU 2018 L 235, p. 24.
(2) Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012 L 167, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy