18.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 65/43
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Diċembru 2018 – Dragnea vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-738/18)
(2019/C 65/56)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Liviu Dragnea (Bukarest, ir-Rumanija) (rappreżentanti: B. O’Connor, solicitor u S. Gubel, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni OCM(2018)20575, mibgħuta lir-rappreżentant legali tar-rikorrent permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ottubru 2018;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9(1), (2) u (4) tar-Regolament OLAF (1), kif ukoll fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent fil-kuntest tal-investigazzjoni, inkluż tad-dritt għal smigħ u tal-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fir-rigward tal-investigazzjoni, kif ukoll fuq ir-rifjut li tinfetaħ investigazzjoni dwar il-mod kif l-OLAF mexxa l-investigazzjoni tiegħu.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti relatati mal-investigazzjoni tal-OLAF.
(1) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1).