25.2.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/35
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2018 – Taminco u Arysta LifeScience Great Britain vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-740/18)
(2019/C 72/44)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Taminco BVBA (Gent, il-Belġju) u Arysta LifeScience Great Britain Ltd (Edinburgh, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: C. Mereu u M. Grunchard, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1500 tad-9 ta’ Ottubru 2018 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva tiram, li jipprojbixxi l-użu u l-bejgħ taż-żrieragħ trattati bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-tiram (1), u tibgħat l-evalwazzjoni tas-sustanza attiva inkwistjoni lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u lill-konvenuta, kif meħtieġ;
—
tordna l-estensjoni tal-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva inkwistjoni sabiex titħalla l-evalwazzjoni mill-ġdid tagħha;
—
alternattivament, tannulla parzjalment ir-regolament ikkontestat sa fejn jipprojbixxi t-tiġdid tas-sustanza attiva inkwistjoni fir-rigward tat-trattament taż-żrieragħ; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
1.
L-ewwel motiv ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat għandu difett proċedurali peress li l-konvenuta naqset milli tiegħu inkunsiderazzjoni l-irtirar tal-applikazzjoni mitluba mir-rikorrenti sabiex tiġġedded l-approvazzjoni ta’ tiram għal użu bħala bexx tal-weraq u jinżamm biss l-użu ta’ trattament taż-żrieragħ.
2.
It-tieni motiv ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat kien adottat sussegwentement għal żball manifest ta’ evalwazzjoni.
3.
It-tielet motiv ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat kien adottat bi ksur tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (2).
4.
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-konvenuta aġixxiet ultra vires billi għamlet proposta rigward il-klassifikazzjoni tas-sustanza attiva inkwistjoni.
5.
Il-ħames motiv ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat jirriżulta minn proċedura li matulha d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti ma ġewx osservati.
6.
Is-sitt motiv ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat kien adottat bi ksur tal-prinċipju prekawzjonali u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali.
(1) ĠU 2018, L 254, p. 1.
(2) Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009 L 309, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy