11.3.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 93/64
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2018 – Daimler vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-751/18)
(2019/C 93/85)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Daimler AG (Stuttgart, il-Ġermanja) (rappreżentanti: N. Wimmer, C. Arhold u G. Ollinger, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta adottata fit-22 ta’ Ottubru 2018 abbażi tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 (1), CLIMA/C4/WB/sg Ares(2018), Referenza Ares(2018)5413709, u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158 (2)
—
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158, peress li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-tnaqqis fl-emissjonijiet CO2, hija dderogat mill-metodu ta’ prova awtorizzat sa fejn applikat fattur ta’ Willans żbaljat.
2.
It-tieni motiv ibbażat huwa bbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158, flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011
—
Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158, flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, sa fejn, fil-kuntest tal-metodu ta’ prova li hija applikat għall-evalwazzjoni ad hoc, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prekundizzjonament speċifiku meħtieġ.
3.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011
—
Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta kisret l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, sa fejn hija ordnat li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-innovazzjonijiet ekoloġiċi għas-sena 2017, minkejja li din id-dispożizzjoni tawtorizza espliċitament biss deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni għas-sena segwenti.
4.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ
—
Permezz tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta kisret id-dritt għal smigħ tagħha skont ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali fil-qasam tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hija ssostni li l-konvenuta awtorizzat skambju fir-rigward tal-pożizzjonijiet ġuridiċi, iżda sussegwentement adottat id-deċiżjoni kkontestata.
5.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
—
Permezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni ma tissodisfax suffiċjentement ex lege r-rekwiżit ta’ motivazzjoni previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296 TFUE u fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-konvenuta tirreferi biss b’mod impreċiż għal ċerti differenzi dwar il-metodu ta’ prova, iżda ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar il-kwistjoni determinanti ta’ jekk u sa fejn il-metodu ta’ prova jeħtieġ prekundizzjonamnet speċifiku u jekk il-konvenuta awtorizzatx dan il-metodu ta’ prova fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 194, p. 19).
(2) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/158 tat-30 ta’ Jannar 2015 dwar l-approvazzjoni ta’ żewġ alternaturi ta’ effiċjenza għolja Robert Bosch GmbH bħala t-teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2015, L 26, p. 31).
Full & Egal Universal Law Academy