11.3.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 93/67
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Diċembru 2018 – AG vs Europol
(Kawża T-756/18)
(2019/C 93/87)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrent: AG (rappreżentant: C. Abrar, avukat)
Konvenuta: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tannulla ċ-ċaħda impliċita tal-ilment tar-rikorrent tat-2 ta’ Lulju 2018;
—
tordna lill-konvenuta tadotta deċiżjoni suffiċjentement motivata u legali rigward il-pretensjoni tiegħu għal sehem mill-Fond tal-Pensjoni tal-Europol; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha tal-proċedura.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors huwa bbażat fuq il-motivi segwenti.
1.
L-ewwel motiv: ksur ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni
—
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li t-talba tiegħu dwar (i) it-trażmissjoni tal-att amministrattiv li permezz tiegħu l-konvenuta applikat id-Deċiżjoni (UE) 2015/1889 (1) fil-konfront tiegħu u (ii) il-motivazzjoni li fuqha huwa bbażat l-att amministrattiv, flimkien ma’ spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn parti sinjifikattiva tal-attiv tal-fond tal-pensjoni tqassmet lill-Istati Membri, ġiet impliċitament miċħuda.
—
F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jallega li l-konvenuta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha konformement mal-prinċipji ta’ prassi amministrattiva Ewropea tajba u konformement mal-Artikolu 296 TFUE. Ir-rikorrent għandu wkoll interess ġuridiku peress li hija biss deċiżjoni motivata dwar id-drittijiet tiegħu għall-Fond tal-Pensjoni tal-Europol li tista’ tippermettilu jevalwa l-legalità tal-assenjazzjoni u tal-implimentazzjoni ta’ pretensjonijiet oħra.
2.
It-tieni motiv: reviżjoni inċidentali tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1889
—
Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li l-allegata bażi għad-deċiżjoni li ma ġietx adottata tista’, matul l-istħarriġ ġudizzjarju, tirriżulta li hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni u li għalhekk hija illegali. F’dan ir-rigward, huwa partikolarment neċessarju li tingħata spjegazzjoni għalfejn partijiet sinjifikattivi mill-Fond tal-Pensjoni tal-Europol tqassmu lill-Istati Membri tal-UE.
—
Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Qorti Ġenerali tista’, fl-interessi tal-ekonomija tal-ġudizzju u sabiex jiġu evitati proċeduri ġudizzjarji sussegwenti, tikkomunikalu indikazzjonijiet dwar l-illegalità tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1889, peress li r-reviżjoni inċidentali ta’ din id-deċiżjoni tista’ ma sseħħx minħabba n-nuqqas ta’ deċiżjoni motivata.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1889 tat-8 ta’ Ottubru 2015 dwar ix-xoljiment tal-fond tal-pensjoni tal-Europol (ĠU 2015 L 276, p. 60)