18.3.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 103/47
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Diċembru 2018 – Lazarus Szolgáltató és Kereskedelmi Kft. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża T-763/18)
(2019/C 103/62)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Partijiet
Rikorrenti: Lazarus Szolgáltató és Kereskedelmi Kft. (Lazarus Kft.) (Békés, l-Ungerija) (rappreżentant: L. Szabó)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
prinċipalment, tikkonstata l-invalidità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2011 fil-Każ SA.29432 – CP 290/2009 – l-Ungerija – “Għajnuna għall-impjieg ta’ ħaddiema diżabbli allegatament illegali minħabba n-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni” (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata b’mod prinċipali”);
—
sussidjarjament, tikkonstata l-invalidità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Jannar 2017 fil-Każ SA.45498 (FC/2016) – “Ilment magħmul minn OPS Újpest-lift Kft. b’rabta mal-għajnuniet mill-Istat mogħtija bejn l-2006 u l-2012 favur l-impriżi li jimpjegaw ħaddiema diżabbli” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata b’mod sussidjarju”);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv għal kull talba.
1.
Motiv invokat insostenn tat-talba prinċipali: applikazzjoni inkorretta tad-dritt u evalwazzjoni inkorretta tal-provi disponibbli
—
L-awtoritajiet Ungeriżi taw għajnuna mill-Istat illegali bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE lil 21 impriża kompetitriċi tar-rikorrenti. Mhux biss din l-għajnuna kienet tirrigwarda l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-impjieg ta’ ħaddiema b’diżabbiltà iżda hija ffinanzjat ukoll l-ispejjeż totali tal-impriżi benefiċjarji u, meta għamlet hekk, ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fid-deċiżjoni kkontestata b’mod prinċipali, il-Kummissjoni kkonstatat li l-għajnuniet mogħtija lill-impriżi benefiċjarji ma jaqbżux, fit-totalità tagħhom, l-ammont totali tal-għajnuna li tista’ tingħata skont l-Artikoli 41 u 42 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (1) u li, konsegwentement, l-għajnuna kkontestata mal-ewwel daqqa t’għajn hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE. Id-deċiżjoni kkontestata b’mod prinċipali tħalli fis-seħħ l-effetti, li jippreġudikaw lir-rikorrenti, tal-miżuri nazzjonali li jagħtu l-għajnuna u, billi tagħmel hekk, tikser id-drittijiet proċedurali li din tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE.
2.
Motiv invokat insostenn tat-talba sussidjarja: applikazzjoni inkorretta tad-dritt u żnaturament manifest tal-provi disponibbli
—
Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u b’mod manifest żnaturat il-provi disponibbli billi, fid-deċiżjoni kkontestata b’mod sussidjarju, ikkonstatat li l-ilment ta’ OPS Újpest-lift Kft. ma kienx fih punti ta’ fatt jew ta’ dritt ġodda li jistgħu jemendaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Każ SA.29432 – CP 290/2009. Id-deċiżjoni kkontestata b’mod sussidjarju tħalli fis-seħħ l-effetti, li jippreġudikaw lir-rikorrenti, tal-miżuri nazzjonali li jagħtu l-għajnuna u, billi tagħmel hekk, tikser id-drittijiet proċedurali li din tislet mill-Artikolu 108(2) TFUE.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwisu 2009 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli [107 TFUE] u [108 TFUE] (ĠU 2008, L 214, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy