DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
21 ta’ Jannar 2019 ( *1 )
“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva oksasulfuron – Nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni għall-finijiet ta’ tqegħid fis-suq – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ urġenza – Ibbilanċjar tal-interessi”
Fil-Kawża T‑574/18 R,
Agrochem-Maks d.o.o., stabbilita f’Żagreb (il-Kroazja), irrappreżentata minn S. Pappas, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Lewis, I. Naglis u G. Koleva, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE u intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1019 tat-18 ta’ Lulju 2018 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva oksasulfuron, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2018, L 183, p. 14),
IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
jagħti l-preżenti
Digriet ( 1 )
[omissis]
Id-dritt
[omissis]
Fuq l-urġenza
[omissis]
Fuq in-natura gravi tad-dannu
32
Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-gravità tad-dannu allegat minħabba r-riskju ta’ impatt negattiv fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha u fuq il-profitti tagħha, kif ukoll minħabba r-riskju ta’ tnaqqis tal-valur totali ta’ impriża tagħha, li għandhom jiġu analizzati flimkien, ir-rikorrenti tqis li, minħabba r-regolament ikkontestat, hija ser tbati minn telf kbir fid-dħul mill-bejgħ u fil-profitti kif ukoll fil-“valur impliċitu ta’ impriża” tagħha. F’dan ir-rigward, għaldaqstant għandu jiġi rrilevat li n-natura tad-dannu allegat hija waħda purament finanzjarja.
33
Issa, għal dak li jirrigwarda l-gravità tad-dannu finanzjarju invokat, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-miżura provviżorja mitluba hija ġġustifikata biss jekk ikun jidher li, fl-assenza ta’ din il-miżura, il-parti li titlobha ssib ruħha f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-periklu l-eżistenza tagħha qabel ma tingħata d-deċiżjoni li ġġib il-proċedura prinċipali fi tmiemha (ara d-digriet tat-30 ta’ April 2010, Xeda International u Pace International vs Il-Kummissjoni, T‑71/10 R, mhux ippubblikat, EU:T:2010:173, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-analiżi tal-gravità ta’ dan id-dannu għandha ssir fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kif ukoll tal-karatteristiċi tal-grupp li hija tagħmel parti minnu (ara d-digriet tal-15 ta’ Novembru 2011, Xeda International vs Il-Kummissjoni, T‑269/11 R, mhux ippubblikat, EU:T:2011:665, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ April 1998, Camar vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑43/98 P(R), EU:C:1998:166, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35
Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, ġie deċiż li, minn naħa, fir-rigward ta’ telf li jikkorrispondi għal inqas minn 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ impriżi attivi fi swieq regolati ħafna, id-diffikultajiet finanzjarji li dawn tal-aħħar setgħu jiltaqgħu magħhom ma kinux jidhru ta’ natura li tipperikola l-istess eżistenza tagħhom (digriet tal-15 ta’ Novembru 2011, Xeda International vs Il-Kummissjoni, T‑269/11 R, mhux ippubblikat, EU:T:2011:665, punt 21; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ April 2001, Il-Kummissjoni vs Bruno Farmaceutici et, C‑474/00 P(R), EU:C:2001:219, punt 106) u, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ telf li jirrappreżenta madwar żewġ terzi tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-impriżi, filwaqt li ġie ammess li d-diffikultajiet finanzjarji kkawżati lilhom setgħu kienu ta’ natura li tipperikola l-eżistenza tagħhom, madankollu ġie enfasizzat li, f’settur li huwa regolat ħafna li ta’ spiss kien jeħtieġ investiment sostanzjali u fejn l-awtoritajiet kompetenti setgħu jitwasslu sabiex jintervjenu meta riskji għas-saħħa pubblika kienu jidhru, għal raġunijiet li ma kinux dejjem prevedibbli mill-impriżi kkonċernati, kien l-obbligu ta’ dawn tal-aħħar, mingħajr ma tiġi eskluża l-possibbiltà li jkollhom isostnu huma stess id-dannu li jirriżulta minn dan l-intervent, li jlestu ruħhom sabiex ikunu jistgħu jilqgħu kontra l-konsegwenzi tiegħu permezz ta’ politika xierqa (ara d-digriet tas-16 ta’ Ġunju 2016, ICA Laboratories et vs Il‑Kummissjoni, C‑170/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:462, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36
F’dan il-każ, ir-rikorrenti tindika, għas-sena 2017, dħul totali ta’ EUR 114751316, li minnhom EUR 15 216 941.17 joriġinaw mill-bejgħ tal-prodott Laguna, jiġifieri madwar 13.26 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha. Barra minn hekk, il-bejgħ ta’ tliet prodotti anċillari għall-prodott Laguna ġabu, fl-istess sena, total ta’ EUR 5 079 535.60 għall-kumpannija, jiġifieri madwar 4.43 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha. Hija tindika, sussegwentement, li l-importazzjoni għan-nom tagħha ta’ dawn l-erba’ prodotti tirrappreżenta, għal Kavran, EUR 15 716 330.04 fuq dħul mill-bejgħ totali ta’ EUR 56996563, jiġifieri madwar 27.57 % tad-dħul mill-bejgħ totali ta’ Kavran. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-prodott Laguna u l-prodotti anċillari flimkien jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-“valur impliċitu ta’ impriża” ma’ Kavran.
37
Preliminarjament, għandu jitfakkar il-prinċipju ta’ natura neċessarjament personali tad-dannu allegat fil-kuntest tal-analiżi dwar l-urġenza, kif enfasizzat minn ġurisprudenza stabbilita (ara d-digriet tal-4 ta’ Diċembru 2007, Cheminova et vs Il-Kummissjoni, T‑326/07 R, EU:T:2007:364, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, fil-kuntest ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka dannu kkawżat lil impriżi oħra li ma jkunux parti fil-kwistjoni sabiex turi l-gravità tad-dannu allegat.
38
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrenti tindika li t-tliet prodotti anċillari huma normalment mixtrija fl-istess waqt li fih jinxtara l-prodott Laguna, hija ma tipproduċi ebda prova intiża li turi li dawn ma jistgħux jintużaw mingħajr il-prodott Laguna, pereżempju billi jiġu assoċjati ma’ erbiċida ieħor. Għaldaqstant, fl-analiżi tal-gravità tad-dannu ma jistax jittieħed kont tad-dħul mill-bejgħ li jikkonċerna t-tliet prodotti anċillari.
39
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li, fid-digriet tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni (T‑95/09 R, mhux ippubblikat, EU:T:2009:124, punt 69), ġie aċċettat li fl-evalwazzjoni tal-gravità tad-dannu, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax sempliċement jirrikorri, b’mod mekkaniku u riġidu, biss għad-dħul mill-bejgħ rilevanti, iżda li huwa kellu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu, iqabbilhom fil-konfront tad-dannu kkawżat f’termini ta’ dħul mill-bejgħ.
40
Għalkemm huwa minnu li din il-ġurisprudenza sa issa kienet prinċipalment invokata sabiex tippermetti lill-qorti tevalwa jekk il-gravità tad-dannu allegat setgħetx tiġi stabbilita minkejja l-fatt li d-dħul mill-bejgħ tagħhom ma kienx jaqbeż il-livell indikattiv ta’ 10 % imsemmi fil-punt 35 iktar ’il fuq, din il-projbizzjoni ta’ analiżi mekkanika u riġida madankollu ma tistax tkun limitata għal din l-interpretazzjoni biss, iżda għandha tinftiehem ukoll bħala li l-qorti għandha tivverifika jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-gravità kellhiex ma tiġix stabbilita minkejja li dan il-limitu jkun inqabeż.
41
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li għandu jiġi osservat li, l-ewwel nett, mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrenti hija, fil-fatt, distributur fil-Kroazja tal-oksasulfuron immanifatturat minn sottokuntrattur Ċiniż skont formula pprovduta minn Syngenta u importat fil-Kroazja minn Kavran. Għalhekk, hija ma kellhiex issostni l-investimenti, l-ispejjeż ġenerali u l-ispejjeż fissi kbar li l-iżvilupp ta’ attività ta’ produttur kienet timplika.
42
F’dan ir-rigward, preliminarjament għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-istatus ta’ distributur ma jimplikax, prima facie, li dan ikun aġevolat sabiex jissostitwixxi prodott li l-projbizzjoni tiegħu tiġi ppronunzjata permezz ta’ prodott analogu. Fil-fatt, bosta ostakli jistgħu, f’dan il-kuntest, iżommu jew jipprevjenu l-iżvilupp ta’ sustanzi ġodda, speċjalment f’suq regolat ħafna bħal dak inkwistjoni.
43
Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, kif ukoll mis-sehem mis-suq marġinali li l-erbiċidi ta’ qabel it-tnibbit għandhom, jirriżulta li dawn tal-aħħar, li l-użu tagħhom jidher li huwa rrakkomandat fi klimi umdi, jidhru li ma jikkorrispondux għas-suq Kroat u ma jikkostitwixxux, bħala tali u a priori, alternattiva vijabbli għall-oksasulfuron.
44
Madankollu, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm hija ssostni li l-unika alternattiva erbiċida ta’ wara t-tnibbit preżenti fis-suq Kroat hija l-imażamoks (imazamox), mibjugħa mill-impriża kompetitriċi BASF, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda indikazzjoni li tikkonċerna prodotti ta’ wara t-tnibbit ta’ sostituzzjoni possibbli li huma diġà preżenti fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u li jistgħu jkunu suġġetti għal distribuzzjoni fis-suq Kroat. Madankollu, skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 26 sa 28 iktar ’il fuq, hija l-parti li titlob il-miżuri provviżorji li għandha tipprovdi l-elementi li jippermettu lill-qorti tiddeċiedi.
45
Imbagħad, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li din ma tistax issib erbiċida alternattiva li tista’ tiddistribwixxi fis-suq Kroat inkwantu l-kreaturi jew il-produtturi tas-sustanzi attivi ġeneralment jieħdu ħsieb huma stess id-distribuzzjoni tagħhom ma jistax, bħala tali, ikun konvinċenti għall-Imħallef għal miżuri provviżorji. Fil-fatt, minn naħa, sal-preżent ir-rikorrenti kienet tqassam prodott żviluppat minn impriża oħra, liema fatt jikkontradixxi l-affermazzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, id-dħul tar-rikorrenti u n-netwerk ta’ distribuzzjoni li hija żviluppat fis-suq Kroat, flimkien mas-slot kummerċjali li l-għajbien tal-oksasulfuron jirrappreżenta, jidhru li jikkostitwixxu elementi li r-rikorrenti tista’ ssostni ma’ produtturi ġodda.
46
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti topera f’suq regolat ħafna. Issa, kif tfakkar fil-punt 35 iktar ’il fuq, għalhekk, hija kellha tadotta aġir li jieħu inkunsiderazzjoni r-riskju ikbar ta’ projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott tagħha, taħt piena li jkollha ssostni hija stess id-dannu li jirriżulta minn tali projbizzjoni. Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, fil-kuntest tal-analiżi tiegħu tal-gravità tad-dannu allegat l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-istrateġija kummerċjali li din tadotta.
47
F’dan il-każ, is-sehem ta’ dħul mill-bejgħ irrappreżentat mill-bejgħ tal-prodott tagħha Laguna għandu jiġi evalwat bħala r-riżultat ta’ politika meqjusa fil-kuntest ta’ suq regolat ħafna. Madankollu, mingħajr ebda element ieħor dwar il-miżuri possibbli li r-rikorrenti allegatament ħadet sabiex tevita li ssib ruħha f’sitwazzjoni potenzjalment riskjuża fir-rigward tan-natura tas-suq inkwistjoni, il-qbiż tal-limitu indikattiv ta’ 10 % waħdu ma jistax ikun konvinċenti għall-Imħallef għal miżuri provviżorji fir-rigward tal-gravità tad-dannu allegat.
48
F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tistax tinvoka xi aspettattivi leġittimi li jirriżultaw mir-riżultat li jasal għalih l-Istat Membru relatur. Fil-fatt, kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni, dan ir-rapport jikkostitwixxi biss pass intermim ta’ proċedura magħrufa sew u bl-ebda mod ma jippreġudika r-riżultat finali li għandha tasal għalih il-Kummissjoni. Barra minn hekk, kif enfasizzat minn ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiġi invokat biss fir-rigward ta’ sitwazzjoni li tista’ toħloqhom li tkun ikkawżata mill-istituzzjoni awtorizzata tieħu d-deċiżjoni finali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Jannar 2018, Przedsiębiorstwo Energetyki Cieplnej vs ECHA, T‑625/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:44, punti 75 u 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza għall-protezzjoni tal-pjanti bħal f’dan il-każ, ma jistax jinsilet xi kwalunkwe prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-riżultati tar-rapport interim ipprovdut mill-Istat Membru relatur.
49
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami għandhom iwasslu lill-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jirrelativizza l-importanza tad-dħul mill-bejgħ rilevanti u jwassluh sabiex jikkonkludi li d-dannu allegat minħabba r-riskju ta’ impatt negattiv fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha u l-profitti tagħha jew tnaqqis tal-valur ta’ impriża totali tagħha ma huwiex gravi.
[omissis]
Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi
[omissis]
85
Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li n-nuqqas ta’ tiġdid tal-prodott inkwistjoni huwa bbażat, minn naħa, fuq l-eżistenza ta’ żewġ aspetti li jqajmu tħassib serju u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ seba’ punti li ma setgħux jiġu ffinalizzati. Madankollu, għalkemm l-ewwel żewġ aspetti jikkonċernaw riskji magħrufa għall-ħniex u għall-organiżmi akwatiċi, ma jistax jiġi dedott li nuqqas ta’ informazzjoni, li jikkaratterizza nuqqasijiet bħal dawk li jirriżultaw mis-seba’ punti li ma setgħux jiġu ffinalizzati f’dan il-każ, jista’ jiġi interpretat fis-sens li minn dan tkun dedotta assenza ta’ riskju għas-saħħa pubblika.
86
Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ perikolu għas-saħħa pubblika, ir-rikorrenti tenfasizza li s-sustanza inkwistjoni u l-prodotti abbażi tagħha kienu ilhom fis-suq għal iktar minn 20 sena u li l-ebda inċident relatat mas-saħħa pubblika ma ġie rrapurtat sal-lum bħala riżultat tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, hija ssostni li, f’każ kuntrarju, l-estensjoni tal-approvazzjoni inizjali għal perijodu ta’ 6 snin, mill-2013 sal-2019, sakemm titlesta l-evalwazzjoni tas-sustanza, ma kinitx tiġi aċċettata mill-Kummissjoni.
87
Madankollu, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li ma jistgħux jiġu esklużi riskji għas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tistax tislet argument konvinċenti f’dan il-każ mill-fatt li s-sustanza ġiet użata b’mod sikur fl-Unjoni għal iktar minn 20 snin mingħajr ma qatt ġie rrapurtat ebda effett dannuż għas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, fis-settur ikkonċernat f’din il-kawża, l-iżviluppi xjentifiċi mhumiex rari u għalhekk jagħtu l-opportunità li s-sustanzi jerġgħu jiġu evalwati fid-dawl ta’ għarfien u skoperti xjentifiċi ġodda. Dan huwa l-bażi tal-proċeduri ta’ tiġdid u r-raġuni għal-limiti taż-żmien applikati għall-awtorizzazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni. Konsegwentement, l-eżami tal-Imħallef għal miżuri provviżorji fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi għandu jirrigwarda r-riskji li issa huma identifikati (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2018, Arysta LifeScience Netherlands vs Il-Kummissjoni, T‑476/17 R, EU:T:2018:407, punt 105), minn naħa, u li ma jistgħux jiġu esklużi, min-naħa l-oħra.
88
Sussegwentement, il-pożizzjoni tar-rikorrenti li tgħid li ma hemm l-ebda riskju għas-saħħa pubblika hija bbażata prinċipalment fuq l-argumenti li hija qajmet fil-kuntest tal-argumentazzjoni tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ fumus boni juris, jiġifieri li d-deċiżjoni li jiġi adottat ir-regolament ikkontestat tirriżulta minn ksur, minn naħa, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha li turi li n-nuqqasijiet identifikati jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-oksasulfuron u, min-naħa l-oħra, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-amministrazzjoni dwar l-eżistenza ta’ riskju għoli għall-organiżmi akwatiċi u għall-ħniex.
89
Madankollu, dawn l-aspetti jaqgħu taħt l-istħarriġ tal-legalità tal-proċedura u ma jistgħux, mingħajr provi oħra u bl-eċċezzjoni ta’ rikonoxximent possibbli ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, iwasslu lill-Imħallef għal miżuri provviżorji, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi, sabiex iqis li l-konklużjonijiet ippreżentati f’dawn id-dokumenti għandhom jipprevalu fuq l-evalwazzjonijiet preċedenti, li, fil-prinċipju, huma r-riżultat ta’ eżami ddettaljat u eżawrjenti. Fil-fatt, dan ma għandux iwettaq evalwazzjoni teknika tad-data xjentifika għax dan imur lil hinn mis-setgħat tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2018, Arysta LifeScience Netherlands vs Il-Kummissjoni, T‑476/17 R, EU:T:2018:407, punt 108).
90
Dan huwa iktar u iktar minnu f’dan il-każ, fejn id-dannu allegat ma jirriżultax, fir-rigward tas-saħħa pubblika, minn data xjentifika miġbura, iżda preċiżament min-nuqqas tagħha, u dan jikkostitwixxi n-nuqqasijiet identifikati fir-regolament ikkontestat. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 85 iktar ’il fuq, dawn in-nuqqasijiet ma jippermettux li jiġu esklużi riskji għas-saħħa pubblika, li, kif evokati fir-regolament ikkontestat, għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-interessi l-oħra.
91
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma ssemmi l-ebda interessi oħra għajr dak li jiġi evitat li jseħħ id-dannu li r-regolament ikkontestat allegatament jikkawżalha, dannu li dwaru ġie barra minn hekk stabbilit li la kien ta’ natura gravi u lanqas ma huwa ta’ natura irreparabbli. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li, bħala prinċipju, ir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika għandhom inkontestabbilment jingħataw preċedenza fuq il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi (ara d-digriet tal-11 ta’ April 2001, Il-Kummissjoni vs Bruno Farmaceutici et, C‑474/00 P(R), EU:C:2001:219, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).
92
Id-dannu allegat għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex ixaqleb l-ibbilanċjar tal-interessi favur ir-rikorrenti, inkwantu r-riskji għas-saħħa pubblika identifikati fir-rigward tal-oksasulfuron għandhom jitqiesu bħala rikonoxxuti (ara l-punt 87 iktar ’il fuq).
93
Fl-aħħar nett, f’kull każ, anki li kieku r-rikorrenti kienet kapaċi turi l-urġenza marbuta mal-karatteristiċi tad-dannu tagħha, kien ikun fadal issir evalwazzjoni tiegħu fid-dawl tal-prinċipju stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita sew li jgħid li l-preċedenza tal-obbligi tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet li jwasslu għal konsegwenzi negattivi, saħansitra kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, ġie saħansitra enfasizzat li kellu jiġi rrikonoxxut il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li skontu, meta kien hemm inċertezzi dwar l-eżistenza ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem jew dwar il-kobor ta’ dawn ir-riskji, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jadottaw miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jistennew li r-riskji jew il-gravità tagħhom ikunu ġew ipprovati (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑426/13 P(R), EU:C:2013:848, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
94
Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar is-sigurtà tas-sustanza inkwistjoni sabiex turi li l-kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika ma għandhomx ikollhom iktar importanza minn dawk relatati mad-dannu li ġarrbet għandhom jiġu miċħuda.
[omissis]
Għal dawn il-motivi,
IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
jordna:
1)
It-talba għal miżuri provviżjorji hija miċħuda.
2)
L-ispejjeż huma rriżervati.
Magħmul fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Jannar 2019.
Reġistratur
E. Coulon
Il-President
M. Jaeger
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ dan id-digriet li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.