Edizzjoni Provviżorja
DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
10 ta’ Settembru 2019 (*)
“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Dispożizzjonijiet finanzjarji (baġit, qafas finanzjarju, riżorsi proprji, ġlieda kontra l-frodi) – Eżekuzzjoni forzata – Talba għal sospensjoni – Ammissibbiltà – Nuqqas ta’ urġenza”
Fil-Kawża T‑762/18 R,
Sofia Athanasiadou, residenti f’Ateni (il-Greċja),
Konstantinos Soulantikas, residenti f’Ateni,
irrappreżentati minn M. Lappa, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Verheecke u A. Katsimerou, sussegwentement minn A. Katsimerou u A. Kyratsou, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 299 TFUE u intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 5883 finali, tat-22 ta’ Awwissu 2017, tal-ordni għal ħlas tat-30 ta’ Ottubru 2018, li tidher fl-aħħar tal-kopja tat-titolu eżekuttiv adottat skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 5883 finali, tat-22 ta’ Awwissu 2017, u ta’ kull att eżekuttiv ieħor konness,
IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
jagħti l-preżenti
Digriet (1)
Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
[omissis]
2 Ir-rikorrenti kkostitwixxew lil ECOSE fl-24 ta’ Jannar 1994 għal perijodu inizjali ta’ għaxar snin. ECOSE ġiet estiża sal-2018 permezz ta’ skritturi privati li jemendaw l-istatuti fl-2002 u fl-2007.
[omissis]
4 Fit-28 ta’ Novembru 2007, ECOSE kkonkludiet, mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA), li taġixxi skont is-setgħat iddelegati lilha mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, il-ftehim ta’ sussidju 2007‑3567/001‑001 għat-twettiq tal-proġett 133962-LLP-1-GR-GRUNDTVIG-GMP, intitolat “Anzjani attivi”.
[omissis]
6 F’Marzu 2012, ECOSE kienet is-suġġett ta’ awditu finanzjarju f’isem il-Kummissjoni għall-perijodu mill-11 ta’ Novembru 2007 sal-31 ta’ Ottubru 2009. Ir-rapport ta’ awditu kien jirrakkomanda li jiġi rkuprat l-ammont ta’ EUR 59 696.98, li jikkorrispondi għal spejjeż mhux eliġibbli. ECOSE ġiet informata bil-konklużjonijiet tal-awditu b’ittra tal-1 ta’ Awwissu 2013 u kellha l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ ġimagħtejn minn meta tirċievi l-imsemmija ittra.
[omissis]
8 Permezz ta’ skrittura privata tal-25 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti pproċedew għax-xoljiment ta’ ECOSE, mingħajr ma l-EACEA ġiet informata dwar dan.
[omissis]
11 Fis-16 ta’ April, fid-19 ta’ Mejju u fl-20 ta’ Novembru 2014 l-EACEA bagħtet lil ECOSE ittri ta’ tfakkira rreġistrati, li reġgħu lura għandha bl-indikazzjoni “mhux miġbura”.
12 Fit-22 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2017) 5883 finali dwar l-irkupru, mingħand ECOSE, tas-somma ta’ EUR 59 696.98, flimkien mal-interessi dovuti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Mill-proċess jirriżulta li din id-deċiżjoni, mibgħuta lis-sede ta’ ECOSE, madankollu ma ġietx irċevuta.
13 B’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Grieg, il-Kummissjoni pproċediet bin-notifika tad-deċiżjoni kkontestata u tal-ordni għal ħlas billi użat is-servizzi ta’ marixxall. Fit-30 ta’ Ottubru 2018, huwa mar fid-dar tar-rikorrenti b’mandat ta’ eżekuzzjoni, iżda K. Soulantikas irrifjuta li jirċievi l-imsemmija dokumenti u jiffirmahom. Għalhekk il-marixxall innotifika d-deċiżjoni kkontestata permezz tal-affissjoni, fil-preżenza ta’ xhud, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Grieg applikabbli fil-każ ta’ rifjut li jiġi rċevut att.
14 Fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqu oppożizzjoni quddiem il-Monomeles Protodikeio Athinon (il-Qorti tal-Ewwel Istanza b’Imħallef Uniku ta’ Ateni, il-Greċja). Id-data tas-seduta quddiem din il-qorti ġiet iffissata għas-6 ta’ Ottubru 2020.
15 Fil-31 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti ressqu b’mod partikolari talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali.
[omissis]
Id-dritt
[omissis]
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal miżuri provviżorji
29 Fl-osservazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni talbet l-inammissibbiltà tat-talba għal miżuri provviżorji minħabba li ebda rikors prinċipali għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma kien ġie ppreżentat, bi ksur tal-Artikoli 161 u 156 tar-Regoli tal-Proċedura.
30 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, skont l-Artikolu 299 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 256(1) TFUE, l-Artikolu 39(1) u l-Artikolu 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa biss il-President tal-Qorti Ġenerali li huwa kompetenti sabiex jippronunzja s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata tad-deċiżjoni kkontestata. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali kkonċernati hija limitata għall-istħarriġ tar-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni.
31 It-tieni nett, kif imsemmi fil-punt 23 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata ta’ att tal-Kummissjoni, imressqa skont l-Artikolu 299 TFUE, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 2 tal-imsemmija regoli, intitolata “Fuq is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u fuq il-proċeduri għal miżuri provviżorji oħra”. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 156 tal-istess regolament jipprevedi sistemi proċedurali differenti skont il-bażi legali li fuqha tkun ibbażata t-talba għal miżuri provviżorji. Għalhekk, ir-rekwiżit, stabbilit fl-Artikolu 156(1) tal-imsemmi regolament, li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni għall-introduzzjoni minn qabel jew simultanja ta’ rikors prinċipali kontra dan l-att, huwa espressament limitat għat-talbiet magħmula abbażi tal-Artikoli 278 TFUE u 157 EA. Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-obbligu ma japplikax neċessarjament f’dan il-każ.
32 It-tielet nett, l-issodisfar ta’ tali obbligu f’dan il-każ ikun iċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Fil-fatt, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sabiex il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jkollhom iż-żmien neċessarju għall-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fir-rigward tal-istħarriġ tar-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 299(4) TFUE, għandu jkun possibbli li l-qorti tal-Unjoni tintalab, peress li hija l-unika waħda awtorizzata, li tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni forzata.
33 F’din l-ipoteżi, barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, b’mod korollarju, il-motivi mqajma fil-kuntest tad-dimostrazzjoni tal-eżistenza ta’ fumus boni juris għandhom jikkonsistu f’motivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali u li għandhom dehra ta’ bażi. Fil-fatt, motivi li jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni jkunu ineffettivi, ħlief jekk dawn jiġu mqajma fil-kuntest ta’ talba bbażata fuq l-Artikolu 278 TFUE li takkumpanja rikors prinċipali ppreżentat b’mod konformi mal-Artikolu 263 TFUE sa fejn il-fondatezza ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv tista’ tiġi kkontestata biss quddiem il-qorti tal-annullament, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2017, Systema Teknolotzis vs Il-Kummissjoni, T‑234/15, EU:T:2017:461, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 F’dan ir-rigward, u mingħajr ma huwa neċessarju f’dan l-istadju li tittieħed deċiżjoni dwar id-dehra tal-fondatezza tagħhom, jista’ jiġi rrilevat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha tas-26 ta’ Frar 2019, li, f’dan il-każ, uħud mill-motivi mressqa mir-rikorrenti insostenn tal-issodisfar tal-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris jikkonċernaw preċiżament il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fil-Greċja u r-regolarità tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni u, għaldaqstant, tabilħaqq jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali.
35 Konsegwentement, din it-talba hija intiża sabiex tippermetti lill-qorti nazzjonali teżerċita l-kompetenzi tagħha, misluta mill-Artikolu 299 TFUE.
36 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà relatata mal-assenza ta’ preżentazzjoni ta’ rikors prinċipali għandha tiġi miċħuda.
[omissis]
Fuq l-ispejjeż
53 Skont l-Artikolu 158(5) u l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.
Għal dawn il-motivi,
IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI
jordna:
1) It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.
2) Sofia Athanasiadou u Konstantinos Soulantikas għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Settembru 2019.
Reġistratur
Il-President
E. Coulon
M. Jaeger
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.
1 Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ dan id-digriet li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy