13.5.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 164/52
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Jannar 2019 — CJ vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
(Kawża T-1/19)
(2019/C 164/56)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: CJ (rappreżentant: V. Kolias, lawyer)
Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
—
tiddikjara li huwa kontra t-Trattati n-nuqqas tal-konvenuta li tanonimizza d-dokumenti proċedurali li jirreferu għalih b’ismu u li ġew ippubblikati fuq l- World Wide Web mill-Qorti Ġenerali u dak li kien it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, sussidjarjament in-nuqqas tagħha li tagħmel verżjonijiet nominali ta’ tali dokumenti inaċċessibbli għall-muturi ta’ riċerka tal-World Wide Web;
—
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.
1.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tinvoka b’mod partikolari:
—
li r-rikorrent ressaq azzjonijiet kontra l-persuna li kienet timpjegah quddiem dak li kien it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
li d-dokumenti proċedurali ta’ dawk l-azzjonijiet ġew ippubblikati u li kienu jirreferu għar-rikorrent b’simu u huma aċċessibbli għall-muturi ta’ riċerka tal-world wide web bħalma hija Google;
—
li din l-aċċessibbiltà tiffaċilita l-identifikazzjoni mill-muturi ta’ riċerka tar-rikorrent minn kwalunkwe utent tal-internet fid-dinja, inklużi persuni li jimpjegaw attwali u prospettivi;
—
li minn din l-identifikazzjoni jemerġi riskju ta’ diskriminazzjoni kontra r-rikorrent;
—
li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea deċidiet li tanonimizza b’mod deċiż minn qabel dokumenti proedurali li huma ppubblikati għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari kollha li jaslu wara l-1 ta’ Lulju 2018 li jirrigwardaw persuni naturali;
—
li l-anonimizzazzjoni tad-dokumenti proċedurali ppubblikati għal kwalunkwe tip ta’ azzjoni taħt it-Trattati tibqa’ għad-diskrezzjoni sħiħa tal-ġudikatura tal-Unjoni Ewropea,
—
li l-persuni naturali involuti fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara l-1 ta’ Lulju 2018 u r-rikorrent ma humiex ittrattati ugwalment.
2.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u jinvoka b’mod partikolari:
—
li l-għan li jiġu ppubblikati d-dokumenti proċedurali huwa fi kliem l-Qorti tal-Ġustizzja li “tiggarantixxi l-informazzjoni taċ-ċittadini u l-pubbliċità tal-ġustizzja”;
—
li sabiex jintlaħaq dak l-għan ma huwiex neċessarju li jiġu ppubblikati verżjonijiet tad-dokumenti proċedurali li jirreferu għar-rikorrent b’ismu jew, sussidjarjament, li tagħmel dawn il-verżjonijiet aċċessibbli fuq il-muturi ta’ riċerka tal-world wide web bħalma hija Google;
—
li n-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, li ttemm din il-prattika jikser l-Artikoli 4(1)(c) u 5(a) tar-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), sussidjarjament l-Artikoli 4(1)(c) u 5(a) of Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (2)
(1) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 26, p. 102).
(2) Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
Full & Egal Universal Law Academy